13/10/2026
Permess ta’ Jobsplus Nru 876/2026
Sejħa għall-applikazzjonijiet biex jitwettqu d-dmirijiet ta’ Uffiċjal Eżekuttiv (Komunitajiet u Proġetti) mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA)
In-nomenklaturi li jindikaw il-ġeneru maskili jinkludu wkoll il-ġeneru femminili.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) hija entità tal-Gvern inkarigata li ssostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-belt kapitali permezz tal-ħolqien ta’ programm annwali ta’ attivitajiet kreattivi żviluppat b’kollaborazzjoni ma’ artisti u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi oħra. Bħala wirt tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-VCA tħares ukoll standards ta’ eċċellenza fil-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali fil-belt, filwaqt li tħeġġeġ l-aċċess u l-parteċipazzjoni minn udjenzi differenti.
1. Il-kariga
1.1. L-Aġenzija qed tilqa’ applikazzjonijiet mingħand kandidati xierqa sabiex iwettqu d-dmirijiet ta’ Uffiċjal Eżekuttiv (Komunitajiet u Proġetti), kif deskritt hawn taħt. Din il-kariga hija fuq bażi full-time u hija suġġetta għal perjodu ta’ prova ta’ tnax-il (12) xahar.
L-Uffiċjal Eżekuttiv (Komunitajiet u Proġetti) jifforma parti mill-Valletta Design Cluster fi ħdan l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u jaħdem taħt is-superviżjoni tal-Kap tal-Valletta Design Cluster u tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv.
2. Dmirijiet ewlenin
Id-dmirijiet ewlenin tal-Uffiċjal Eżekuttiv (Komunitajiet u Proġetti) huma dawn li ġejjin:
- Jappoġġja lill-Kap tal-Valletta Design Cluster fl-iżvilupp, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm tal-komunitajiet;
- Jappoġġja lill-Kap tal-Valletta Design Cluster fil-koordinazzjoni, l-abbozzar, l-amministrazzjoni, il-komunikazzjoni, il-ġestjoni tal-partijiet interessati, il-ġestjoni tal-proġetti u kompiti oħra relatati ma’ applikazzjonijiet u programmi ta’ finanzjament nazzjonali, Ewropej u internazzjonali li jikkontribwixxu għall-programm tal-komunitajiet tal-Valletta Design Cluster;
- Jikkoordina u jservi bħala l-persuna ewlenija ta’ referenza fi ħdan it-tim tal-Valletta Design Cluster għall-programm tal-komunitajiet, inkluż l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programm għall-membri tal-Valletta Design Cluster;
- Jorganizza u jimmodera laqgħat informali, laqgħat tal-membri u konsultazzjonijiet; iżomm databases u materjal ta’ referenza relatat mal-membri; u jikkoordina inizjattivi u attivitajiet oħra marbuta mal-programm iffukat fuq il-membri tal-Valletta Design Cluster;
- Jassisti fl-isforzi tal-proġett relatati mal-bini tal-komunità u man-networking fuq livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali, u jappoġġja u jiżviluppa rabtiet u relazzjonijiet mad-diversi partijiet interessati involuti fil-proġett;
- Iqajjem għarfien u jxerred informazzjoni dwar il-kollaborazzjonijiet u l-interazzjonijiet kollha li l-Valletta Design Cluster ikun qed jiżviluppa ma’ diversi sħab, u jassisti fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet sodi ma’ sħubijiet u kollaborazzjonijiet eżistenti u ġodda;
- Jirrappreżenta lill-Valletta Design Cluster f’fora u laqgħat nazzjonali u internazzjonali u jikkontribwixxi għalihom, taħt il-gwida tal-Kap tal-Valletta Design Cluster;
- Jippjana u jikkontribwixxi għall-prijoritajiet strateġiċi tal-Valletta Design Cluster fir-rigward ta’ attivitajiet għall-promozzjoni tad-disinn, inizjattivi relatati mal-edukazzjoni, appoġġ lil negozji ġodda, sforzi ta’ internazzjonalizzazzjoni, u inizjattivi relatati ta’ appoġġ u kollaborazzjoni mal-komunità tad-disinn u mal-prattikanti bbażati f’Malta;
- Jikkoordina mal-imsieħba kollha meħtieġa, inkluż it-tim tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, l-organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi rilevanti, NGOs kulturali u individwi, sabiex jifhem l-aspetti u l-ħtiġijiet kollha marbuta mal-iżvilupp tal-Cluster, u sabiex iżomm lill-bqija tal-imsieħba u lill-membri tat-tim infurmati bis-sħiħ dwar l-objettivi, l-għanijiet u l-kisbiet strateġiċi u operattivi tal-Cluster;
- Jassisti lill-Kap tal-Valletta Design Cluster fil-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-azzjonijiet ta’ segwitu relatati mal-għeluq tal-proġett ERDF tal-Valletta Design Cluster, kif ukoll iżomm kuntatt mal-Awtorità Maniġerjali u ma’ entitajiet nazzjonali u Ewropej oħra fir-rigward tal-monitoraġġ tal-proġett, ir-rappurtar, l-aġġornamenti u kwalunkwe feedback ieħor mitlub;
- Iwettaq riċerka kif assenjata mill-Kap tal-Valletta Design Cluster u jipprovdi rakkomandazzjonijiet xierqa;
- Iwettaq kull dmir ieħor li jista’ jiġi assenjat lilu mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta jew mir-rappreżentant tiegħu.
3. Salarju u benefiċċji
Is-salarju marbut mal-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv (Komunitajiet u Proġetti) huwa ta’ €32,690 fis-sena, fi Grad 5 tal-Istruttura tal-Gradi u s-Salarji tal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi.
Il-kandidat magħżul ikun intitolat għal Disturbance Allowance sa massimu ta’ 15% fis-sena, Performance Bonus sa massimu ta’ 15% fis-sena, Entity Class Allowance ta’ €1,000, Training Allowance ta’ €700 u Qualifications Allowance, fejn applikabbli.
L-applikanti eliġibbli jiġu intervistati minn Bord tal-Għażla sabiex tiġi evalwata l-idoneità tagħhom biex iwettqu d-dmirijiet imsemmija hawn fuq.
4. Rekwiżiti ta’ eliġibbiltà
4.1. Kwalifiki u esperjenza
Kwalifika ta’ Master fil-Livell 7 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF), suġġetta għal minimu ta’ 60 kreditu ECTS/ECVET jew ekwivalenti fir-rigward ta’ programmi li bdew minn Ottubru 2008 ’il quddiem, f’suġġett relatat mal-Istudji Umanistiċi, il-Kultura, l-Arkitettura jew id-Disinn, jew kwalifika relatata u komparabbli, flimkien ma’ sena (1) esperjenza ta’ xogħol rilevanti.
jew
Kwalifika ta’ Baċellerat fil-Livell 6 tal-MQF, suġġetta għal minimu ta’ 180 kreditu ECTS/ECVET jew ekwivalenti fir-rigward ta’ programmi li bdew minn Ottubru 2003 ’il quddiem, f’suġġett relatat mal-Istudji Umanistiċi, il-Kultura, l-Arkitettura jew id-Disinn, jew kwalifika relatata u komparabbli, flimkien ma’ tliet (3) snin esperjenza ta’ xogħol rilevanti.
jew
Kwalifika ta’ Diploma fil-Livell 5 tal-MQF jew ekwivalenti, f’suġġett relatat mal-Istudji Umanistiċi, il-Kultura, l-Arkitettura jew id-Disinn, jew f’qasam relatat, flimkien ma’ ħames (5) snin esperjenza ta’ xogħol rilevanti u ppruvata.
* Fin-nuqqas ta’ evidenza dokumentarja dwar il-krediti ECTS/ECVET jew sistema oħra li tkejjel il-kontenut tal-kors, il-Bord tal-Għażla għandu jevalwa l-programm ta’ studju ppreżentat u jiddetermina jekk dan huwiex komparabbli ma’ 60/120/180 kreditu ECTS/ECVET. Jista’ jintalab il-parir tal-MQRIC.
4.2. Dokumentazzjoni ta’ sostenn
Il-kwalifiki u l-esperjenza ddikjarati għandhom ikunu sostnuti b’ċertifikati u/jew testimonjanzi. Kopji tagħhom għandhom jiġu mehmuża mal-applikazzjoni jew jintbagħtu separatament lill-Kap tal-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani fl-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Exchange Buildings, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, jew permezz tal-posta elettronika fuq [email protected], sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq.
4.3. Verifika
Iċ-ċertifikati u/jew it-testimonjanzi oriġinali għandhom dejjem jiġu ppreżentati għall-verifika waqt l-intervista.
4.4. Kwalifiki barranin
Kwalifiki barranin li ma jinsabux fil-lista ta’ korsijiet jew universitajiet akkreditati mill-MQRIC għandhom jiġu ċċertifikati mill-istess kunsill sad-data tal-għeluq tas-sejħa għall-applikazzjonijiet.
4.5. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi
Huma eliġibbli wkoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw status ta’ residenti fit-tul f’Malta skont ir-regolament 4 tar-“Regolamenti tal-2006 dwar Status ta’ Residenti li joqogħdu għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi)”, jew li jkunu ngħataw permess ta’ residenza skont ir-regolament 18(3) tagħhom, flimkien mal-membri tal-familja ta’ tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw permess ta’ residenza skont ir-“Regolamenti tal-2007 dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji”.
Fejn meħtieġ, għandu jintalab il-parir tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Affarijiet tal-Espatrijati fi ħdan l-Aġenzija Identity Malta għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq.
5. Persuni b’diżabilità
Persuni rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (NCPD) jistgħu jingħataw akkomodazzjoni raġonevoli skont l-artikolu 7 tal-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità), Kapitolu 413 tal-Liġijiet ta’ Malta, anke jekk ma jissodisfawx għalkollox ir-rekwiżiti ta’ din il-kariga, sakemm ikunu jistgħu jwettqu, essenzjalment, id-dmirijiet marbuta mal-kariga li għaliha japplikaw.
5.1.
Rappreżentazzjonijiet skont din il-klawżola għandhom jiġu mehmuża mal-formola tal-applikazzjoni u sostnuti b’dokumenti rilevanti, li għandhom jinkludu wkoll evidenza dokumentarja tar-reġistrazzjoni mal-NCPD. Għandhom jingħataw ġustifikazzjonijiet motivati sabiex jiġi ssostanzjat in-nuqqas li jiġu ssodisfati għalkollox ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u sabiex jiġi spjegat għaliex ikun ġustifikat li tingħata kunsiderazzjoni xierqa.
5.2.
Il-korrispondenza kollha għandha tkun indirizzata lill-entità li tirċievi l-applikazzjoni, b’kopja lill-NCPD.
6. Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet
L-applikazzjonijiet, sostnuti bid-dokumentazzjoni meħtieġa li għandha tinkludi ittra ta’ motivazzjoni, Curriculum Vitae dettaljat u, fejn applikabbli, il-Formola dwar ir-Rekord tas-Servizz u l-Leave (GP 47), għandhom jaslu għand il-Kap tal-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani, bl-idejn jew bil-posta, fl-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Exchange Buildings, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, sa mhux aktar tard minn nofsinhar (Ħin tal-Ewropa Ċentrali) tad-29 ta’ Ottubru 2026.
Impjegati tas-settur pubbliku għandhom jippreżentaw ir-rekords tal-leave bi ħlas, tal-leave mingħajr ħlas u tal-leave tal-mard għall-aħħar erba’ (4) snin, inkluż kwalunkwe rekord ta’ azzjoni dixxiplinarja li setgħet ittieħdet. Fin-nuqqas ta’ tali rekords, jiġi mifhum li qatt ma ttieħdet azzjoni dixxiplinarja.
Kopji skennjati tal-applikazzjoni u tad-dokumentazzjoni rilevanti mibgħuta elettronikament fuq [email protected] huma aċċettabbli.
6.1.
L-applikazzjonijiet li jaslu jiġu rikonoxxuti permezz ta’ riċevuta.
7. Impenn
L-uffiċjal magħżul ikun meħtieġ jiffirma dikjarazzjoni ta’ impenn għall-inkarigu li għalih ikun intgħażel.