L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, se terġa’ tippreżenta l-Valletta Pageant of the Seas nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Lulju 2026, u se tittrasforma l-Port il-Kbir fil-Belt Valletta f’palk għal wieħed mill-avvenimenti kulturali ewlenin tas-sajf.
Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea spjega kif “Il-Valletta Pageant of the Seas huwa eżempju ċar ta’ kif nistgħu nagħtu ħajja ġdida lill-wirt storiku tagħna permezz tal-kultura u l-kreattività. Il-Port il-Kbir mhux biss huwa xhieda tal-istorja tagħna, iżda spazju ħaj li jkompli jiġbor flimkien lill-komunità, lill-familji u lill-viżitaturi f’esperjenza kulturali ta’ kwalità. Bħala Gvern nibqgħu impenjati li ninvestu f’avvenimenti li jagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li jkomplu jsaħħu l-identità kulturali ta’ pajjiżna u jikkontribwixxu għat-turiżmu ta’ kwalità.”
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, tenna “L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tħejji edizzjoni spettakolari u grandjuża tal-Valletta Pageant of the Seas li matulu l-Port il-Kbir jiġi trasformat f’palk mill-isbaħ fl-24 ta’ Lulju. Nistednukom tingħaqdu magħna u tgħixu din l-esperjenza unika mix-Xatt Ta’ Liesse biex tkunu fil-qalba tal-azzjoni u l-maġija tal-Port il-Kbir li jieħu l-ħajja b’koreografija ta’ bċejjeċ tal-baħar, dwal, funtani tal-ilma, mużika u logħob tan-nar.”
Carlo Micallef, l-Uffiċċju Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta qal: “Il-Valletta Pageant of the Seas huwa eżempju mill-aqwa tat-tip ta’ esperjenzi awtentici kulturali ta’ livell għoli li qed ikomplu jsaħħu u jkomplu jgħollu l-kwalità tal-offerta turistika ta’ Malta. Bħala l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, aħna kburin li nappoġġjaw avvenimenti li jiċċelebraw il-wirt uniku ta’ pajjiżna, filwaqt li joffru esperjenzi ta’ klassi dinjija li kapaċi jattiraw viżitaturi internazzjonali b’aspettattivi għoljin. Permezz tal-investiment f’avvenimenti ewlenin bħal dan, qed inkomplu nsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni Mediterranja ta’ kwalità, inħeġġu turiżmu ta’ valur ogħla, inżidu t-tul taż-żjara tal-viżitaturi f’pajjiżna, u nwasslu l-karattru uniku u straordinarju tal-gżejjer tagħna fuq il-palk internazzjonali.”
L-avveniment jibda fit-8:00pm f’Xatt il-Barrieri (Ta’ Liesse), il-Belt Valletta, fejn Tikka Banda se tilqa’ lill-udjenzi b’wirja mużikali interattiva, u toħloq atmosfera vibranti qabel l-ispettaklu prinċipali.
Hekk kif jidlam, il-Port il-Kbir se jsir il-palk għall-Valletta Pageant of the Seas. Diversi jottijiet imdawlin, dgħajjes tradizzjonali Maltin, bastimenti tal-qlugħ u kayaks se jagħmlu triqthom tul il-port f’wirja koreografata bir-reqqa, akkumpanjata minn mużika, wirjiet sinkronizzati ta’ funtani tal-ilma u projezzjonijiet bil-lejżer. Il-lejla se tilħaq il-qofol tagħha b’finali ta’ logħob tan-nar.
Billi tgħaqqad dawl kontemporanju, effetti tal-ilma u l-wirt marittimu Malti, il-produzzjoni tiċċelebra l-karattru uniku tal-Belt Valletta u l-Port storiku tagħha.
Il-Valletta Pageant of the Seas huwa organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bl-appoġġ ta’ Visit Malta. Id-dħul huwa bla ħlas.
Għal aktar dettalji, żur il-websajt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.