Mill-Carmen sa Gladiator, klassiċi Naplitani għal favoriti tat-teatru mużikali, Opera in the Capital 2026 jistiednek għal lejla ta’ mużika mill-aqwa.
Wieħed mill-aktar avvenimenti kulturali tas-sajf iċċelebrati f’Malta se jirritorna dan ix-xahar hekk kif Opera in the Capital 2026 se jittrasforma Pjazza San Ġorġ f’palk spettakolari fil-beraħ fis-27 ta’ Ġunju fid-9pm.
Il-kunċert iwiegħed lejla indimentikabbli, fil-qalba tal-Belt Valletta billi jgħaqqad flimkien artisti Maltin ta’ fama internazzjonali, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u programm mimli kapolavuri operistiċi, mużika miċ-ċinema u klassiċi maħbuba fosthom klassiċi Maltin.
Bi produzzjoni tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, l-edizzjoni ta’ din is-sena tipreżenta lit-tenuri rinomati Alan Sciberras u Cliff Zammit Stevens, flimkien mal-mezzo-sopran Marvic Monreal, li kisbet rikonoxximent fuq uħud mill-aktar teatri tal-opra prestiġjużi madwar l-Ewropa. Magħhom tingħaqad l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Ryan Paul Abela, biex iwasslu esperjenza mużikali li tgħaqqad l-eċċellenza artistika ma’ mużika li tappella għal udjenza wiesgħa.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, flimkien mal-Ministru għall-Arti, Kultura, u l-Wirt Nazzjonali Dr Malcolm Paul Agius Galea, ħabbru dan l-avveniment fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta, waqt konferenza stampa dalgħodu.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Dr Malcolm Paul Agius Galea, qal li, “Avveniment bħal dan mhux biss isaħħaħ l-esperjenza kulturali tal-pubbliku, iżda jkompli jikkonferma l-pożizzjoni tal-Belt Valletta bħala ċentru kulturali dinamiku u vibranti.” Żied jgħid li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jinvesti f’inizjattivi li jagħmlu l-kultura aktar viżibbli, aktar aċċessibbli u aktar rilevanti għall-komunitajiet tagħna.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tenna, “Permezz ta’ dan l-avveniment nkomplu niċċelebraw l-qawwa tal-mużika li tgħaqqad lin-nies flimkien f’wieħed mill-aktar spazji pubbliċi ikoniċi ta’ Malta, Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. Kemm jekk int dilettant tal-opra jew qed tattendi kunċert klassiku għall-ewwel darba, dan l-avveniment joffri esperjenza kulturali unika u aċċessibbli għal kulħadd.”
Imfassal biex jappella għal udjenzi ta’ kull età u gosti varji, il-programm joffri taħlita kkurata bir-reqqa ta’ opra klassika, mużika minn films, siltiet favoriti mit-teatru mużikali u xogħlijiet Maltin verament maħbuba. Dawk li jattendu l-kunċert se jgawdu arji u duetti ċċelebrati minn kapolavuri bħat-Tosca, Carmen, Fedora, La Périchole u Lucrezia Borgia, flimkien ma’ favoriti crossover assoċjati ma’ artisti famużi bħal Andrea Bocelli u Il Volo.
Il-lejla se toffri wkoll biċċiet maħbuba ħafna bħal Il Mondo, it-tema ikonika mill-film Gladiator, My Way, mużika Maltija u għażla ta’ klassiċi Naplitani li huma apprezzati ferm minn udjenzi madwar id-dinja.
Opera in the Capital 2026 hu maħsub li jilqa’ kemm lill-Maltin kif ukoll turisti li jżuruna f’dawn il-ġranet. Filwaqt li jgħaqqad flimkien prestazzjonijiet live eċċezzjonali, il-grandjożità ta’ orkestra sinfonika sħiħa u l-atmosfera sabiħa tal-Belt Valletta, joħloq lejla sajfija memorabbli għall-familja kollha.
Numru limitat ta’ biljetti huwa disponibbli minn showshappening.com u huwa rrakkomandat li l-postijiet jiġu riservati minn kmieni.



