Ir-Rabat Għawdex ġiet rrakkomandata biex tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031 f’Malta, wara l-laqgħa finali tal-għażla li saret illum fil-Belt Valletta.

Dan jimmarka pass importanti fil-vjaġġ kulturali ta’ Malta, tmien snin wara li l-Belt Valletta kellha t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.

It-tħabbira saret fil-Valletta Design Cluster, wara preżentazzjonijiet li saru minn Victoria 2031 Għawdex lill-bord Ewropew, fil-preżenza tal-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Maria Elena Despott, il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, kif ukoll iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef u Catherine Tabone rispettivament.

Il-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031 se jpoġġi lir-Rabat Għawdex fiċ-ċentru ta’ programm ta’ attivitajiet kulturali li se jkopri sena sħiħa, u li se jgħaqqad flimkien artisti, organizzazzjonijiet kulturali, komunitajiet u msieħba minn Malta u minn madwar l-Ewropa.

L-għażla finali saret wara proċess li beda bis-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet mill-bliet Maltin. Ir-Rabat Għawdex ġiet magħżula biex tkompli l-proċess fl-ewwel fażi tal-għażla tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031 li saret f’Novembru tal-2025, u sussegwentement żviluppat il-proposta finali tagħha biex tiġi kkunsidrata mill-bord tal-esperti maħtura mill-Kummissjoni Ewropea.

L-inizjattiva tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għandha l-għan li tenfasizza r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej u l-valuri kulturali komuni li jgħaqqdu lill-Ewropej, filwaqt li ssaħħaħ il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-bliet u l-komunitajiet tagħhom.

It-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura huwa wieħed mill-inizjattivi kulturali ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Minn mindu twaqqfet fl-1985, din l-inizjattiva ppermettiet lill-bliet madwar l-Ewropa juru d-diversità kulturali tagħhom, jiżviluppaw sħubiji Ewropej, iwessgħu l-parteċipazzjoni fil-kultura u jużaw il-kultura bħala mutur għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u urban fit-tul.