Christmas in the Capital 2026 jiġbor flimkien 300 artist f’25 avveniment mifruxa fuq xahar sħiħ
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tistieden lill-pubbliku biex jingħaqad magħha għal Christmas in the Capital 2026, programm li jestendi fuq xahar u jibda fil-25 ta’ Novembru. Bis-sehem ta’ 300 artist f’25 avveniment, il-programm jirrappreżenta investiment totali ta’ €750,000 u jinkludi ċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta.
Iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew nhar l-Erbgħa, 25 ta’ Novembru, bil-mixegħla tas-Siġra tal-Milied u d-dwal tal-Milied, li din is-sena għandhom disinji ġodda, fi Triq ir-Repubblika, Triq in-Nofsinhar u Triq il-Merkanti. L-avveniment, li se jsir bejn il-5:30pm u t-8:30pm, se jinkludi rappreżentazzjoni mill-Kor VOCA u t-tnedija ta’ presepju ġdid.

“Il-Milied huwa żmien li jgħaqqad il-familji u l-komunitajiet tagħna, u l-kultura għandha rwol importanti biex issaħħaħ dan is-sens ta’ għaqda. Permezz ta’ Christmas in the Capital, qed inkomplu nagħtu l-ħajja lill-Belt Valletta bi programm kulturali varjat li jiċċelebra t-tradizzjonijiet Maltin, jagħti spazju lit-talent artistiku lokali u joffri esperjenzi sbieħ għall-familja kollha. Huwa importanti li, filwaqt li nħarsu u nippreservaw il-wirt u t-tradizzjonijiet tagħna, inkomplu nagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli għal kulħadd. Inħeġġeġ lill-pubbliku biex jingħaqad magħna fil-Belt Valletta u jiċċelebra dan iż-żmien speċjali flimkien,” qal il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Dr Malcolm Paul Agius Galea.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, qal: “Il-Milied fil-Belt sar parti importanti mill-kalendarju kulturali tal-Belt Valletta, u jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin tal-Milied f’Malta. L-investiment ta’ din is-sena ta’ €750,000 fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied u ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena jagħti sostenn lis-setturi artistiċi u kulturali ta’ Malta, filwaqt li jikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni ekonomika u soċjali tal-Belt Valletta.”
Wieħed mill-avvenimenti ewlenin huwa l-kunċert Carols in the Capital, li se jsir fil-21 ta’ Diċembru, fil-Knisja ta’ San Franġisk, fi Triq ir-Repubblika – knisja magħrufa għad-dekorazzjonijiet rikki tagħha. Dan il-kunċert se jittella’ bis-sehem tat-tenur Alan Sciberras, il-kantanta Ritienne, il-Kor Amadeus u orkestra ta’ 35 mużiċist taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Chircop, li se jinterpretaw mużika tal-Milied u għanjiet tradizzjonali. Kollox jibda fis-6:00pm u d-dħul huwa bla ħlas.
Il-purċissjoni tradizzjonali ta’ Ġesù Bambin se ssir fis-17 ta’ Diċembru, bi tluq mill-Knisja tal-Vitorja qrib Kastilja fis-6:00pm, u tintemm bil-Priedka tal-Milied fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Avveniment innovattiv ieħor huwa The Home Alone Movie Experience, bis-sehem ta’ atturi u l-inklużjoni ta’ props użati fil-film. Dan se jsir fil-Valletta Design Cluster fit-23 ta’ Diċembru, mis-6:00pm sad-9:00pm.
Fis-7 ta’ Diċembru, il-kor VOCA se jagħti prestazzjoni fuq it-taraġ tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, bejn is-6:00pm u t-8:00pm.
Id-divertiment live bħala parti minn Christmas in the Capital jinkludi prestazzjonijiet minn Ozzy Lino, Klinsmann, Kevin Paul, il-kor VOCA u d-duo akustiku The Wildflowers, kif ukoll il-Guggen Band.
Ewlenija wkoll hija s-sensiela ta’ kunċerti Christmas by Candlelight ta’ Cliff Zammit Stevens f’Palazzo de La Salle, li se jsiru fis-6, 7, 8, 10, 12 u 21 ta’ Diċembru, u li joffru lill-udjenza esperjenza intima ta’ mużika live.
L-attivitajiet għall-familja jinkludu lil Santa Klaws u l-elves tiegħu jqassmu kotba għat-tfal fil-5 ta’ Diċembru, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, bil-għan li jinkoraġġixxu l-qari fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Il-workshops ta’ Gootopia se jirritornaw bejn is-6 u t-13 ta’ Diċembru, filwaqt li l-attività Letters to Santa Claus se ssir fit-18 u d-19 ta’ Diċembru. Żewġ spettakli festivi, li jinkludu żeffiena u akrobati, se joffru divertiment lill-familji lejlet il-Milied.
Il-festi jilħqu l-qofol tagħhom fiċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena, appoġġjati permezz ta’ Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira, ipprovdut mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali. Dan l-avveniment huwa appoġġjat ukoll mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Għal aktar informazzjoni u aġġornamenti dwar il-programm, żur il-paġna tal-avvenimenti u segwi lill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fuq Facebook u Instagram.




