Magħrufa għar-ritmi rigorużi, melodiji uniċi, u mużika li tqanqal l-emozzjonijiet, ir-Requiem ta’ Verdi hija meqjusa bħala xogħol monumentali fir-repertorju sagru u korali.
Organizzata mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, din il-produzzjoni tal-għola kwalità ser titella’ nhar is-Sibt 23 ta’ Novembru 2024, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, l-Belt Valletta. Ir-Requiem ta’ Verdi se jlaqqa’ flimkien il-forzi mużikali ta’ żewġ korijiet—il-Kor prestiġjuż tal-Accademia Nazionale di Santa Cecilia minn Ruma li jinkludi 40 korist u KorMalta magħmul minn 20 korist.
Iż-żewġ korijiet ser ikunu akkumpanjati mil-Malta Philharmonic Orchestra u ma’ erba’ solisti eċċezzjonali: Is-Sopran Anna Pirozzi — vuċi familjari fl-aktar teatri tal-opra prestiġjużi tal-Ewropa — fosthom Covent Garden, Teatro dell’Opera di Roma, Vienna Staatsoper, Paris Opera, u La Fenice f’Venezja. Magħha se jingħaqdu żewġ solisti Maltin – il-mezzosopran Marvic Monreal, li għadha kif għamlet debutt notevoli fit-Teatro del Maggio Musicale Fiorentino u t-tenur Alan Sciberras, magħruf għar-rwoli tiegħu fi produzzjonijiet tal-opra fl-Italja u f’Malta u li d-debutt tiegħu fir-Requiem ta’ Verdi huwa mistenni ħafna. Jingħaqad ukoll mal-kast huwa l-baxx-baritonu Żvediż John Lundgren, iċċelebrat għall-vuċi drammatika u r-rwoli emblematiċi tiegħu. Taħt id-direzzjoni tas-surmast ta’ fama internazzjonali Pier Giorgio Morandi, dan l-avveniment iwiegħed lejla li mhux ser tintesa malajr.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz tal-Gran Mastru, l-Belt Valletta, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar din l-inizjattiva kulturali għaliex se toffri esperjenza unika lill-pubbliku u tkompli tpoġġi lil Malta fuq il-mappa kulturali internazzjonali.
“Din il-prestazzjoni tar-Requiem ta’ Verdi, li se tittella’ permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ artisti stabbiliti u orkestra ta’ kalibru għoli, hija xhieda ta’ kemm aħna impenjati li nġibu espressjonijiet artistiċi ta’ livell internazzjonali lejn pajjiżna,” qal il-Ministru Bonnici. “Din hija aktar minn prestazzjoni; hija ċelebrazzjoni ta’ mużika li tgħaqqad, toħloq emozzjonijiet, u tħalli impatt li se jibqa’ fit-tifkira tal-parteċipanti u tal-udjenza.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone, stqarret: “Ir-Requiem ta’ Verdi għandha post sinifikanti fil-kalendarju kulturali tal-Belt Valletta. Din il-kollaborazzjoni bejn solisti ta’ kalibru mondjali, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, KorMalta, u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tgħolli l-isem tal-Belt kapitali tagħna bħala ċentru għal avvenimenti kulturali internazzjonali. Aħna kburin li ser nospitaw xogħol ikoniku bħal dan, li juri t-talent u d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha involuti”.
Iċ-Chairperson tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Odette Vassallo esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li qed jipparteċipaw f’din il-produzzjoni mill-aqwa tar-Requiem ta’ Verdi. Hija enfasizzat l-impenn tagħha għall-kollaborazzjoni u s-sinifikat tar-rwol tagħhom flimkien mas-solisti u l-Kor rinomat tal-Accademia Nazionale di Santa Cecilia, kif ukoll ma’ KorMalta li jsaħħaħ l-istatus tal-Belt Valletta bħala palk kulturali internazzjonali prestiġjuż.
Miktub b’tifkira tal-poeta Taljan Alessandro Manzoni, dan ix-xogħol tant iċċelebrat jgħaqqad il-qawwa drammatika u l-profondità emozzjonali. Dan l-avveniment jippreżenta opportunità unika għal min iħobb il-mużika klassika biex jesperjenza r-Requiem ta’ Verdi interpretata minn uħud mill-aqwa artisti fid-dinja.
Il-biljetti għal dan l-avveniment mużikali notevoli huma disponibbli fuq: https://www.showshappening.com/mcc/VERDI-REQUIEM.
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit elettroniku tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna tagħha fuq Facebook.