Design4Innovation (Programm Interreg Europe)​

Design for Innovation

Design for Innovation (Design4Innovation) huwa proġett kollaborattiv minn tmien organizzazzjonijiet sħab Ewropej li jaħdmu flimkien biex jippromwovu d-disinn bħala għodda għall-innovazzjoni ċċentrata fuq l-utent. Design4Innovation għandu l-għan li jgħin lill-intrapriżi żgħar u medji joħolqu prattika tan-negozju aktar sostenibbli bbażata fuq prodotti u servizzi ddisinjati madwar il-ħtiġijiet tal-utent, biex fl-aħħar mill-aħħar isaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs Ewropej.

Permezz ta’ skambju ta’ għarfien interreġjonali, il-proġett se jidentifika l-aħjar prattika fil-mekkaniżmi ta’ appoġġ tad-disinn għall-SMEs u jimpenja ruħu ma’ dawk li jfasslu l-politika biex jintegraw strumenti ta’ appoġġ għad-disinn fil-programmi ta’ finanzjament appoġġjati permezz tal-Fondi Strutturali Ewropej.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta hija s-sieħba Maltija f’dan il-proġett u ilha taħdem biex tiżviluppa u timplimenta Pjan ta’ Azzjoni tad-Disinn (DAP) li se jiffaċilita l-iżvilupp tal-ekosistema tad-disinn lokali.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tad-Disinn jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Valletta Design Cluster, spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva li se jservi bħala pjattaforma għall-interazzjoni fost prattikanti attivi fl-oqsma differenti li jinvolvu d-disinn, kif ukoll faċilità biex tappoġġja l-prattika tagħhom.

L-għan tal-proġett huwa li tiġi integrata l-innovazzjoni mmexxija mid-disinn għall-kompetittività tal-SMEs fil-programmi operazzjonali tal-FEŻR ta’ tmien pajjiżi u reġjuni, u konsegwentement, biex għadd ta’ intrapriżi jibbenefikaw mill-istrumenti ta’ politika għad-disinn sa tmiem l-2021.

Fażi 1 tal-proġett ġiet konkluża fl-2021, u l-Fażi 2 (magħquda minn 6 mill-imsieħba oriġinali tal-proġett biss) se titwettaq fl-2022 biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tad-Disinn.

Interreg Europe: https://www.interregeurope.eu/
Koordinatur Nazzjonali għall-Programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali (Malta): https://fondi.eu/