SEJĦA GĦALL-PROPOSTI

L-AĠENZIJA KULTURALI GĦALL-BELT VALLETTA: SEJĦA GĦALL-PROPOSTI GĦAL FTEĦIM TA’ SĦUBIJA KULTURALI

 

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tistieden kumpaniji u organizzazzjonijiet biex juru l-interess tagħhom biex ikunu msieħba fl-isforzi tagħha għat-titjib tal-esperjenza tar-residenti ta’, u l-viżitaturi, fil-Belt Kapitali matul is-sena.

Ftehimiet ta’ Sħubija se jkunu validi għal 3 snin mid-data li fiha l-ftehim jidħol fis-seħħ.

Din is-sejħa għandha l-oqsma li ġejjin:

  • Avveniment annwali fuq skala kbira bla ħlas fi spazju pubbliku fil-Belt Valletta

Is-sħubija ser tipprovdi appoġġ stabbli għall-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet biex jiżviluppaw, jikkunsinnaw u jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-VCA li ssostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-Belt Kapitali.

 

  1. FINANZJAMENT

Avveniment annwali fuq skala kbira bla ħlas fi spazju pubbliku fil-Belt Valletta

Dan il-fond jista’ jkopri sa 80% tal-ispejjeż totali jew sa massimu ta’ EUR 200,000 (skont liema minnhom hu l-aktar baxx) kull sena. Il-VCA se tistabbilixxi programm ta’ ffinanzjar għall-benefiċjarji wara taħdidiet dwar il-pjanijiet baġitarji proposti. Il-VCA tirriżerva d-dritt li tagħti fondi lill-benefiċjarji abbażi ta’ allokazzjoni fissa kull 3 snin jew iżżid bil-mod jew tnaqqas bil-mod l-ammont mogħti mingħajr ma taqbeż il-livell limitu ta’ kofinanzjament ta’ 80% jew l-għotja massima ta’ EUR 200,000 (skont liema minnhom hu l-aktar baxx).

L-ammont mogħti huwa fid-diskrezzjoni tal-VCA.

 

  1. ELIĠIBBILTÀ GĦALL-APPLIKAZZJONI

L-applikant irid ikun kumpanija jew organizzazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ avvenimenti kulturali b’esperjenza fis-settur kreattivi, u li għandha indirizz irreġistrat fil-Gżejjer Maltin.

 

  1. KRITERJI TAL-GĦAŻLA

    a. Rilevanza tal-programm artistiku propost (Marki: 40%)
     

    b. Deskrizzjoni tal-Kumpanija / Organizzazzjoni (Marki: 40%)

Jekk jogħġbok ehmeż deskrizzjoni dettaljata li tinkludi l-punti li ġejjin:

  • viżjoni, missjoni u objettivi ewlenin tal-kumpanija / organizzazzjoni
  • informazzjoni dwar il-governanza u l-istruttura tal-amministrazzjoni tal-kumpanija / organizzazzjoni
  • avveniment propost
  • kollaboraturi li se jimplimentaw l-avveniment
  • informazzjoni dwar is-sħubijiet proposti
  • skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ riżultati tanġibbli
  • pjan ta’ marketing u promozzjoni tal-kumpanija jew organizzazzjoni (li jinkludi evidenza ta’ riċerka tas-suq)
  • baġit, pjanijiet finanzjarji (inkluż sorsi potenzjali ta’ finanzjament, msieħba għall-finanzjament u partijiet ikkonċernati) u rapporti tal-flussi tal-flus li juru sostenibilità finanzjarja
  • ħarsa ġenerali tal-iskala tal-avveniment f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ persuni fl-udjenza
  • pjanijiet għall-monitoraġġ u valutazzjoni tar-riskju għall-programm propostc. Rekord irreġistrat

Kumpaniji jew organizzazzjonijiet u/jew individwi involuti fl-istess kumpanija jew organizzazzjoni huma mistennija li jkollhom rekord irreġistrat b’saħħtu fis-settur sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-probabbiltà li l-kumpanija jew organizzazzjoni tikseb l-għanijiet stipulati fl-applikazzjoni.

d. Ċarezza tal-preżentazzjoni u l-applikazzjoni (Marki: 10%)

 

  1. PROĊESS TAL-GĦAŻLA

L-applikazzjonijiet eliġibbli se jiġu valutati minn bord ta’ evalwazzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-VCA.

L-evalwaturi se jippreżentaw valutazzjoni fuq kull proposta li tindika l-marki rispettivi li ġew mogħtija. Kif speċifikat hawn fuq, kull kriterju huwa allokat numru ta’ marki speċifiċi. Id-deċizjoni tal-Bord tiddependi primarjament fuq jekk il-kumpanija jew organizzazzjoni u l-attivitajiet tagħha jindirizzaw il-bżonnijiet stipulati permezz ta’ din is-Sejħa għall-Proposti kif ukoll fuq id-disponibilità tal-fondi.

L-ordni ta’ klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet, skont il-marki allokati mill-

evalwaturi, se tkun ippubblikata onlajn.

 

  1. KUNDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI
  • Il-VCA tirriżerva d-dritt li ma tikkunsidrax il-proposta sottomessa jekk din ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din is-sejħa.
  • L-informazzjoni kollha mitluba f’dan id-dokument għandha tiġi pprovduta. Kwalunkwe materjal addizzjonali għandu jiġi sottomess flimkien mal-applikazzjoni.
  1. L-ELIĠIBBILTÀ

Dawk imsemmija hawn taħt mhumiex eliġibbli jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom:

  • Attivitajiet jew inizjattivi b’vot linja kif indikat fl-istimi finanzjarji ppublikati mill-Ministeru għall-Finanzi.
  • Kumpaniji jew organizzazzjonijiet li m’għandhomx indirizz reġistrat fil-Gżejjer Maltin.
  • Kumpaniji jew organizzazzjonijiet li m’onorawx impenji marbuta ma’ finanzjament fil-passat.
  • Kumpaniji jew organizzazzjonijiet li l-objettiv tagħhom huwa li jiġbru l-flus jew li huma ta’ natura politika.

Spejjeż eliġibbli

Dan il-qasam jista’ jkopri sa 80% jew EUR 200,000 mill-ispejjeż li ġejjin:

  • Spejjeż artistiċi
  • Spejjeż amministrattivi
  • Kiri ta’ spazji
  • Reklamar tal-avveniment
  • Vjaġġar u akkomodazzjoni
  • Valutazzjoni tar-Riskju
  • Assigurazzjoni
  • Fond ta’ Kontinġenza (mhux aktar minn 10% tal-ispejjeż totali)

Spejjeż mhux eliġibbli

  • Redditu fuq il-kapital
  • Dejn u spejjeż tas-servizzi tad-dejn
  • Dispożizzjonijiet għat-telf jew għad-djun
  • Interessi dovuti
  • Djun dubjużi
  • Telf mill-kambju
  • Spejjeż dikjarati mill-benefiċjarju u koperti minn għotja oħra tal-Gvern ta’ Malta jew l-Unjoni Ewropea
  • Kontribuzzjonijiet in natura li jaqbżu l-5%
  • Infiq meqjus eċċessiv jew bi traskuraġni
  • Rifużjoni tal-VAT
  1. SOTTOMISSJONIJIET

Sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu permezz ta’ email fuq applications@vca.gov.mt sal-14 ta’ Mejju 2025 f’12.00 (nofsinhar). Applikazzjonijiet li jaslu tard jew li ma jkunux kompluti mhux se jiġu aċċettati.

Huwa essenzjali li fl-istess email ikunu inklużi d-dokumenti kollha rilevanti addizzjonali kif stipulat f’dawn il-linji gwida u regolamenti. Dokumenti akbar minn 4Mb jistgħu jintbagħtu permezz ta’ link WeTransfer. Għandek tinkludi wkoll il-firma (firma elettronika jew scan) kif indikat fil-formola tal-applikazzjoni.

Kull formola tal-applikazzjoni għandha tiġi ffirmata qabel is-sottomessjoni. Billi jagħmlu dan, l-applikanti jaċċettaw il-kundizzjonijiet tal-fond kif spjegat f’din l-espressjoni ta’ interess u fil-formola tal-applikazzjoni. Formoli tal-applikazzjoni mhux iffirmati ma jiġux aċċettati.

Hija r-responsabbiltà tal-applikant li jippreżenta formola tal-applikazzjoni kompluta kif spjegat f’dawn il-linji gwida u regolamenti. Jiġu eżaminati u evalwati skont il-kriterji għall-għażla stipulati, b’marka finali maħruġa, applikazzjonijiet kompluti biss.

  1. DOKUMENTAZZJONI OBBLIGATORJA

L-applikazzjoni għandha tinkludi dawn li ġejjin:

  • Kopja tal-formola tal-applikazzjoni ffirmata mir-rappreżentant/i legali tal-kumpanija / organizzazzjoni
  • Baġit dettaljat tad-dħul u infiq għall-ewwel sena akkumpanjat minn pjanijiet u previżjonijiet baġitarji fuq medda ta’ tliet snin.
  • Il-viżjoni, missjoni u objettiv ewlieni tal-kumpanija jew tal-organizzazzjoni flimkien ma’ portafoll li juri rekord b’saħħtu fil-qasam (F’dan ir-rigward, id-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi huma: Prova li organizzajt avveniment fuq skala kbira f’postijiet pubbliċi fil-beraħ (udjenza minima ta’ 50,000) fl-aħħar 4 snin, 3 referenzi minn klijenti, artisti jew fornituri ta’ servizzi li magħhom ikkollaborajt fl-aħħar 4 snin.
  • Informazzjoni dwar il-governanza u l-istruttura tal-amministrazzjoni tal-kumpanija jew organizzazzjoni
  • Deskrizzjoni tal-avveniment propost
  • Kollaboraturi li se jimplimentaw l-avveniment
  • Informazzjoni dwar is-sħubijiet proposti
  • Skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ riżultati tanġibbli
  • Pjan ta’ marketing u promozzjoni tal-kumpanija jew tal-organizzazzjoni (li jinkludi evidenza ta’ riċerka tas-suq)
  • Baġit, pjanijiet finanzjarji (inkluż sorsi potenzjali ta’ finanzjament, msieħba għall-finanzjament u partijiet ikkonċernati) u rapporti tal-flussi tal-flus li juru sostenibilità finanzjarja.
  • pjanijiet għall-monitoraġġ u valutazzjoni tar-riskju għall-programm propost

Dokumenti ta’ sostenn

L-applikanti huma mħeġġa li, fejn applikabbli, jipprovdu dokumenti ta’ sostenn rilevanti bħal ma huma skambji ta’ messaġġi elettroniċi, dokumentazzjoni uffiċjali li tikkonferma l-punti msemmija fl-applikazzjoni flimkien ma’ kwotazzjonijiet u fatturi mill-passat li jiġġustifikaw il-figuri fil-baġit.

  1. IMPLIMENTAZZJONI U MONITORAĠĠ

Jekk l-applikazzjoni tiġi approvata u ffinanzjata, il-benefiċjarji se jiġu mitluba jiffirmaw kuntratt li jistipula l-kundizzjonijiet tal-fond ġewwa l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Meta jaċċettaw l-għotja, l-applikanti jaċċettaw li isimhom, it-titlu u l-ammont mogħti jistgħu jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. L-applikazzjonijiet approvati huma soġġetti għal diskussjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u finalizzazzjoni ta’ ftehim ta’ finanzjament dettaljat li jista’ jinkludi kundizzjonijiet speċifiċi u li jiddetermina wkoll il-proċeduri għall-pagament għal dik l-applikazzjoni ffinanzjata speċifika.

Il-benefiċjarji għandhom jużaw il-logo tal-fond fuq il-materjal relatat kollu u jispeċifikaw li l-proġett kien appoġjat mill-Ftehim ta’ Sħubija tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fir-reklamar, promozzjoni u materjal stampat kollu. L-għotja rċevuta għandha tintuża biss għall-iskop li għalih kienet mogħtija, skont il-proposta sottomessa u l-kuntratt.

Il-benefiċjarji għandhom javżaw lill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta immedjatament f’każ li jkun hemm tibdiliet li jaffetwaw in-natura tal-proġett waqt l-implimentazzjoni. It-tibdiliet ma jistgħux ikunu implimentati qabel ma jiġu approvati. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tirriżerva d-dritt li tirrevedi jew iżżomm il-pagament finali jekk il-bidla fil-proġett ma tkunx ikkunsidrata konformi mal-proposta oriġinali, jew jekk l-Aġenzija ma tiġix infurmata bit-tibdiliet fi żmien raġonevoli. Jekk ikun hemm il-bżonn l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tista’ wkoll tressaq proċeduri sabiex tirkupra l-fondi kollha diġà pprovduti fl-għotja.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tirriżerva d-dritt li tibgħat rappreżentanti għal-skopijiet ta’ monitoraġġ. Waqt dawn il-verifiki fuq il-post tista’ tittieħed evidenza fotografika u jistgħu jsiru intervisti. Barra minn hekk l-applikanti magħżula huma mitluba jipparteċipaw fil-promozzjoni tal-fond skont il-bżonn billi jaqsmu l-istorja ta’ suċċess tagħhom kif jitqies xieraq mill-VCA.

Il-benefiċjarji kollha se jkunu mitluba jissottomettu rapporti regolari li jipprovdu aġġornamenti ġenerali jew speċifiċi, kif ukoll rapporti finanzjarji dettaljati, sostnuti b’fatturi, fit-tmien ta’ kull perjodu ta’ finanzjament.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tirriżerva d-dritt li tirrevedi l-proċeduri tal-pagament u l-baġit ġenerali jekk ikun hemm tibdiliet fl-allokazzjoni minn awtoritajiet ċentrali.

 

  1. KJARIFIKI U INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Kwalunkwe talba għall-kjarifiki għandha tintbagħat permezz ta’ email fuq applications@vca.gov.mt sa mhux aktar tard mis-27 ta’ April 2025.

  1. REGOLI U OBBLIGI GĦALL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

Regoli Applikabbli għall-Għajnuna mill-Istat

It-termini u kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida fir-rigward ta’ dawk il-benefiċjarji li huma impriżi kummerċjali jew organizzazzjonijiet non-governattivi li jeżerċitaw attività ekonomika, huma konformi mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni ta’ Artikli 107 u 108 tat-Trattat, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1084 tal-14 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna għal infrastruttura tal-port u tal-ajruport, livelli limitu ta’ notifika għal għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u għajnuna għall-infrastrutturi għall-isport u għar-rikreazzjoni multifunzjonali, u l-iskemi ta’ għajnuna operatorja reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 702/2014 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli [minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa].

Il-miżura mhux applikabbli għal dawn li ġejjin:

a. Attivitajiet imsemmija f’Artiklu 1 (2), (3), (4) u (5) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.

b. Impriżi f’diffikultà definiti f’termini tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014.

Barra minn hekk tista’ ma tingħatax assistenza jekk l-għajnuna hija:

a. relatata ma’ attivitajiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, partikolarment għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, għall-ħolqien u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ tqassim jew għal infiq ieħor kurrenti marbut mal-attività tal-esportazzjoni.

b. kontinġenti fuq l-użu ta’ oġġetti domestiċi bi preferenza fuq dawk impurtati.

c. favur benefiċjarju li huwa soġġett għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mogħtija minn Malta illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

 

Regoli dwar il-Kumulazzjoni tal-Għajnuna

F’konformità ma’ Artiklu 8 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, l-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat għall-attività jew il-proġett jew l-impriża megħjuna għandu jiġi kkunsidrat.

L-għajnuna bi spejjeż eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’:

  • kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, ladarba dawk il-miżuri jikkonċernaw spejjeż eliġibbli differenti li jistgħu jiġu identifikati,
  • kull għajnuna oħra mill-Istat, fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli, li jikkoinċidu parzjalment jew għal kollox, biss jekk it-tali akkumulazzjoni ma tirriżultax f’ammont li jaqbeż l-ogħla intensità tal-għajnuna jew l-ogħla ammont ta’ għajnuna applikabbli għal din l-għajnuna.

L-għajnuna m’għandiex tkun akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna de minimis fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jekk kumulazzjoni ta’ dan it-tip tirriżulta f’intensità tal-għajnuna li taqbeż dik stipulata fir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER).