Sejħa għall-applikazzjonijiet għal Uffiċjal Eżekuttiv (Disinn Grafiku) fi ħdan L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA)

Nomenklaturi li jindikaw is-sess maskili jinkludu wkoll is-sess femminili

  1. Il-VCA hija entità tal-Gvern inkarigata biex issostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-belt kapitali permezz tal-ħolqien ta’ programm annwali ta’ avvenimenti kreattivi żviluppati b’kollaborazzjoni ma’ artisti u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi oħra. Legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-VCA issostni wkoll standards ta’ eċċellenza fil-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti kulturali fil-Belt, filwaqt li tinkoraġġixxi l-aċċess u l-parteċipazzjoni minn udjenza diversa.

    L-Aġenzija qed tfittex applikazzjonijiet minn kandidati xierqa biex iwettqu dmirijiet bħala Uffiċjal Eżekuttiv (Disinn Grafiku) kif imsemmija hawn taħt. Din il-kariga hija fuq bażi full-time u hija soġġetta għal perjodu ta’ prova ta’ tnax-il (12) xahar.

  2. L-Uffiċjal Eżekuttiv (Disinn Grafiku) jifforma parti mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u se jkun qed jaħdem taħt is-superviżjoni tal-Kap tal-Komunikazzjoni u s-CEO.

    Id-dmirijiet ewlenin tal-Uffiċjal Eżekuttiv (Disinn Grafiku) huma li:

  • Jikkoordina mad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni u mad-Dipartiment tal-Ipprogrammar u l-Produzzjoni biex ikun kompletament aġġornat mal-ipprogrammar kollu u l-proġetti individwali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta;
  • Jaħdem mad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni biex jiġu żviluppati l-assi u l-materjal tal-marketing kif meħtieġ;
  • Jżomm relazzjoni mill-qrib mad-Dipartiment tal-Ipprogrammar u l-Produzzjoni b’attenzjoni partikolari għal proġetti u avvenimenti futuri;
  • Jirrappreżenta d-ditta tal-Aġenzija b’mod korrett fil-parametri pprovduti; ikun ambaxxatur tad-ditta;
  • Jiġġenera disinji mill-istadju tal-kunċett sal-kunsinna finali u jagħti kontribut attiv għall-proċess kreattiv;
  • Joħroġ b’ideat ġodda u joħloq mock ups ta’ ideat għal disinni;
  • Jippreżenta l-ideat lit-tim tal-Komunikazzjoni u membri oħra tal-persunal kif meħtieġ;
  • Jikkollabora ma’ membri tal-persunal tal-VCA kif ukoll ma’ fornituri esterni, stampaturi u aġenziji kreattivi;
  • Jżomm relazzjoni ta’ ħidma tajba mal-fornituri tas-servizzi u l-impjegati kollha involuti fl-avvenimenti tal-VCA;
  • Jwettaq kwalunkwe dmir ieħor li jista’ jiġi assenjat mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-VCA jew rappreżentant tiegħu/tagħha.

  1. Is-salarju marbut mal-pożizzjoni ta’ Uffiċjal Eżekuttiv (Disinn Grafiku) huwa ta’ €28,822 fis-sena fi Grad 5 fi ħdan l-Istruttura ta’ Gradazzjoni u Salarju tal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi li jiżdied b’żieda annwali ta’ €531 sa massimu ta’ €32,008 (fl-2024).

    Il-kandidat magħżul se jkun intitolat għal Allowance ta’ Disturb ta’ massimu ta’ 15% fis-sena. Barra minn hekk, huwa inkluż ukoll Bonus tal-Prestazzjoni sa massimu ta’ 10% fis-sena fil-pakkett finanzjarju.

  1. L-applikanti eliġibbli se jiġu intervistati minn Bord tal-Għażla biex jivvalutaw kemm huma adatti biex iwettqu d-dmirijiet imsemmija hawn fuq.

    Kwalifika ta’ Masters fil-Livell tal-MQF 7 (suġġett għal minimu ta’ 60 kreditu ECTS/ECVET), jew ekwivalenti f’suġġett relatat mad-Disinn Grafiku u/jew Marketing jew kwalifika professjonali komparabbli, flimkien ma’ (1) sena esperjenza ta’ xogħol rilevanti;

    jew

    kwalifika rikonoxxuta ta’ Baċellerat fil-Livell tal-MQF 6 (suġġett għal minimu ta’ 180 kreditu ECTS/ECVET, jew ekwivalenti, fir-rigward ta’ programmi li jibdew minn Ottubru 2003) fid-Disinn Grafiku u/jew Marketing jew kwalifika professjonali komparabbli, flimkien ma’ tliet (3) snin esperjenza ta’ xogħol rilevanti;

    jew

    Kwalifika ta’ Diploma rikonoxxuta f’Livell tal-MQF 5 jew ekwivalenti fid-Disinn Grafiku u/jew Marketing jew kwalifika professjonali komparabbli, flimkien ma’ ħames (5) snin esperjenza ta’ xogħol rilevanti.

    Il-kwalifiki u l-esperjenza mitluba għandhom ikunu sostnuti minn ċertifikati u/jew testimonjanzi, li kopji tagħhom għandhom ikunu mehmuża mal-applikazzjoni jew mibgħuta separatament lill-Kap tal-HR Management fi ħdan il-Valletta Cultural Agency, Exchange Buildings, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta jew b’email fuq hr@vca.gov.mt sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq.

    Iċ-ċertifikati oriġinali u/jew it-testimonjanzi għandhom jiġu prodotti invarjabbilment għall-verifika waqt l-intervista.

  1. Il-persuni rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità (NCPD) jistgħu jingħataw akkomodazzjoni skont it-Taqsima 7 tal-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) (Kapitolu 413 tal-Liġijiet ta’ Malta), anke jekk dawn ma jissodisfawx il-ħtiġijiet kollha għal din il-kariga, sakemm jistgħu jwettqu, essenzjalment, id-dmirijiet relatati mal-post li għalih saret l-applikazzjoni.

    Ir-rappreżentazzjonijiet skont din il-klawsola għandhom ikunu mehmuża mal-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumenti rilevanti li għandhom jinkludu wkoll evidenza dokumentata tar-reġistrazzjoni mal-NCPD. Għandhom jingħataw ġustifikazzjonijiet raġunati biex jissostanzjaw in-nuqqas ta’ ħtiġijiet ta’ eliġibilità sħaħ u għaliex huma mistħoqqin din l-opportunità.

    Il-korrispondenza kollha għandha tiġi indirizzata lill-entità u għandha tiġi kkupjata wkoll il-KNPD.

  2. L-applikazzjonijiet sostnuti mid-dokumentazzjoni meħtieġa, li għandha tinkludi ittra ta’ motivazzjoni, Curriculum Vitae dettaljat, u fejn applikabbli Service and Leave Record Form (GP 47), għandhom jaslu għand il-Kap tal-HR, bl-idejn jew bil-posta, Valletta Cultural Agency, Exchange Buildings, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta sa mhux aktar tard minn nofsinhar (Ħin tal-Ewropa Ċentrali) tal-24 ta’ April 2024. Fil-każ ta’ impjegati tas-Settur Pubbliku, dawn għandhom jippreżentaw rekord tal-paid leave/unpaid leave/sick leave għall-aħħar erba’ (4) snin, inkluż kull rekord ta’ kwalunkwe azzjoni dixxiplinarja li setgħet ittieħdet (fin-nuqqas ta’ dawn ir-rekords ikun mifhum ma ttieħdet l-ebda azzjoni dixxiplinarja). Kopji skanjati tal-applikazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti mibgħuta b’mod elettroniku fuq hr@vca.gov.mt huma aċċettati.

    L-applikazzjonijiet riċevuti ser ikunu rikonoxxuti.

  3. L-uffiċjal magħżul se jintalab jiffirma kuntratt li jindika l-impenn tiegħu għall-inkarigu li għalih huwa ġie magħżul.