**Ħarsa Ġenerali**
 
Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura (KEtK) hija inizjattiva tal-Unjoni Ewropea mwaqqfa fl-1985. L-għanijiet tal-KEtK huma stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE kif emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2017/15451 għat-titoli mill-2020 sal-2033 iżda jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: “li tissalvagwardja u tippromwovi d-diversità tal-kulturi fl-Ewropa u tenfasizza l-karatteristiċi komuni li jikkondividu kif ukoll iżżid is-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini f’żona kulturali komuni, minn naħa, u trawwem il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-bliet f’konformità mal-istrateġiji u l-prijoritajiet rispettivi tagħhom, min-naħa l-oħra.”
 
It-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura għandu jingħata fl-2031 lil belt f’Malta u belt fi Spanja.
 
**Min jista’ jitfa’ offerta?**
 
It-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura jista’ jingħata lil kwalunkwe belt li tapplika, dejjem jekk jintlaħqu ċerti kriterji, li l-ebda minnhom ma huma relatati mad-daqs jew il-pożizzjoni ġeografika tagħha.
 
Bliet li jimplimentaw dan il-proġett ambizzjuż b’suċċess huma dawk li:
 
• għandhom **il-kapaċità umana, fiżika (f’termini tal-infrastruttura) u finanzjarja** li jwettqu dan il-proġett ambizzjuż;
• **imexxu u jirrappreżentaw lir-reġjun tagħhom** filwaqt li jilħqu lil Malta u Għawdex kollha, lil hinn mill-fruntieri tagħhom;
• joħolqu **programm innovattiv u li jħares ‘il quddiem**, li jista’ jinkludi, iżda mhux limitat għall-offerta kulturali eżistenti tiegħu;
• jiffukaw il-ħidma tagħhom fuq **iċ-ċittadini u l-konnessjoni tagħhom mal-kultura u l-Ewropa**, aktar milli fuq it-turiżmu;
• joħolqu l-verżjoni tagħhom tal-kunċett tal-KEtK li jirrifletti l-belt b’mod uniku filwaqt li jiżgura li **l-arti, il-kultura u d-dimensjoni Ewropea jinsabu fil-qalba**.
 
**X’inhuma l-kriterji li jiddeterminaw is-suċċess tal-KEtK?**
 
Inkorporati fid-Deċiżjoni 445/2014/UE hemm sitt kriterji li fuqhom huwa bbażat il-proċess tal-għażla, u li għalhekk għandhom jiggwidaw lil kwalunkwe belt interessata li tieħu t-titlu. Dawn huma:
 
• Il-kontribuzzjoni għal strateġija kulturali fit-tul għall-belt u r-reġjun tagħha b’enfasi fuq il-legat tas-sena tat-titlu f’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt kulturali, soċjali u ekonomiku;
• Il-kontenut kulturali u artistiku tal-offerta li jirrifletti viżjoni u strateġija artistika ċara b’firxa ta’ attivitajiet artistiċi diversi ta’ kwalità għolja li jikkombinaw l-arti u l-wirt lokali u tradizzjonali ma’ espressjonijiet kulturali ġodda, innovattivi u sperimentali;
• Id-dimensjoni Ewropea li tippromwovi d-diversità kulturali tal-Ewropa filwaqt li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-artisti, l-operaturi u l-ibliet, b’mod partikolari l-KEtK msieħba;
• L-effettività tal-istrateġija ta’ sensibilizzazzjoni tagħha fl-involviment tal-popolazzjoni lokali u s-soċjetà ċivili fil-proċess, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda u sostenibbli u strateġija ġenerali għall-iżvilupp tal-udjenza;
• Il-kapaċità tal-belt li tmexxi l-proġett b’enfasi fuq l-istrateġija ta’ finanzjament proposta, l-istruttura tal-governanza u l-kunsinna, l-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-istrateġiji ta’ komunikazzjoni u tal-immaniġġjar tad-ditta tagħha;
• Il-kapaċità li twassal KEtK kredibbli permezz ta’ evidenza ta’ appoġġ politiku qawwi u impenn mill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll l-infrastruttura meħtieġa biex tlaħħaq mal-programm u l-influss ta’ viżitaturi.
 
**Skeda taż-Żmien**
 
2021 – 2022: Familjarizzazzjoni mal-proċess, inkluż attendenza għall-inizjattivi organizzati mill-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta
2022 – 2024: Perjodu ta’ tħejjija biex jitlesta l-”Bid Book” flimkien ma’ diversi partijiet interessati inklużi komunitajiet, artisti, persuni jew għaqdiet kreattivi, negozji, awtoritajiet governattivi u msieħba internazzjonali fost oħrajn
2025: Sejħa uffiċjali mill-Unjoni Ewropea għall-applikanti interessati.
Dan il-proċess ta’ qabel is-sottomissjoni se jkun immexxi u ggwidat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha skont l-Avviż Legali 427/2018 u bħala parti mil-legat ta’ Valletta 2018.
 
**Espressjoni ta’ Interess**
 
L-ibliet qed jiġu mistiedna jissottomettu avviż formali tal-interess tagħhom li jsiru l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2031 billi jimlew il-formola mehmuża. L-Espressjoni ta’ Interess mhix proċess kompetittiv iżda se tgħin biex ir-riżorsi jkunu ffukati fuq dawk l-ibliet li jixtiequ jieħdu sehem f’dan il-proġett ambizzjuż. Dawk l-ibliet kollha li jesprimu interess imbagħad ikunu jistgħu:
 
• Jattendu għal seminar dettaljat dwar il-proċess ta’ applikazzjoni għall-KEtK b’interventi minn esperti lokali u barranin fil-qasam, li se jsir f’Settembru 2021.
• Ikollhom aċċess għar-riċerka mwettqa fuq l-infrastruttura kulturali madwar Malta u Għawdex minn Valletta 2018.
• Jiġu ggwidati mill-VCA fil-fażi inizjali tar-riċerka li se jkollha bżonn tagħmel il-belt, u anke meta din tibda l-proċess ta’ sensibilizzazzjoni u konsultazzjoni pubblika fir-reġjun.
 
Il-Formola tal-Applikazzjoni (jekk jogħġbok niżżilha minn hawn taħt) għandha tintbagħat lil ippartecipa@vca.gov.mt sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2021.