ESPRESSJONI TA’ INTERESS GĦAL BEJJIEGĦA TAL-IKEL U X-XORB MATUL IT-TIELET EDIZZJONI TAL-FESTA TAL-IKEL LOKALI TAL-VALLETTA 2024
INTRODUZZJONI
Wara s-suċċess tal-Ewwel u t-Tieni Edizzjonijiet tal-Valletta Local Food Festival, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se torganizza t-Tielet Edizzjoni ta’ dan il-Festival; avveniment kulinari ta’ 3 ijiem immirat biex jippromwovi ikel, ingredjenti, produtturi, u negozji lokali fil-qasam tal-gastronomija.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tistieden lill-bejjiegħa tal-ikel u x-xorb biex jissottomettu l-proposti tagħhom u jirreġistraw l-interess tagħhom li jbigħu l-prodotti lokali tagħhom waqt il-Valletta Local Food Festival.
Se jintgħażlu l-aħjar proposti li se jikkontribwixxu kwalità għall-festival. Il-bejjiegħa tal-ikel u x-xorb magħżula se jkollhom l-opportunità li jbigħu l-prodotti tagħhom f’żona magħżula u pprovduta mill-Aġenzija.
Il-Valletta Local Food Festival huwa festival ta’ 3 ijiem immirat biex jippromwovi ikel, ingredjenti, produtturi, u negozji lokali fil-qasam tal-gastronomija. Il-festival huwa sforz biex iqajjem kuxjenza dwar id-diversità u l-kreattività fi ħdan ix-xena kulinari lokali, biex jiċċelebra l-platti tradizzjonali lokali, u biex juri li l-prodotti lokali tagħna jistgħu jikkompetu sew ma’ dawk barranin. Waqt il-festival se jkunu mistiedna wkoll koki lokali biex jagħtu dimostrazzjonijiet u taħditiet, u se jkun hemm ukoll divertiment, u mużika live.
Ospitat fil-Valletta Design Cluster, dan il-proġett ser joffri lill-Pubbliku diversi stands tal-ikel u tax-xorb bil-prodotti uniċi tagħhom.
Il-festival se jsir fil-Valletta Design Cluster skont l-iskeda t’hawn taħt:
- Il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2024 mis-6pm sal-11pm
- Is-Sibt, 19 ta’ Ottubru 2024 mis-6pm sal-11pm
- Il-Ħadd, 20 ta’ Ottubru 2024 mill-10am sal-5pm
F’każ ta’ tibdil fl-iskeda t’hawn fuq, l-applikanti magħżula se jiġu avżati minn ġimgħatejn qabel.
Ċaħda ta’ responsabbiltà:
L-applikanti prospettivi għandhom jinnotaw li billi jissottomettu applikazzjoni kif speċifikat hawn taħt, qed jikkonfermaw li jaqblu mat-termini u l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din l-Espressjoni ta’ Interess.
L-applikanti għandhom jinnotaw ukoll li l-Aġenzija se tirrispetta kwalunkwe restrizzjoni ppubblikata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali dwar l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi.
LINJI GWIDA
2.1 IL-ĦOLQIEN U L-BEJGĦ TA’ PLATTI/PRODOTTI PPAKKJATI U XORB
L-applikanti għandhom jipprovdu proposta li tinkludi lista ta’ ingredjenti prodotti lokalment għall-platti, xorb u/jew prodotti ppakkjati li jittieklu.
L-applikant li jintgħażel, bħala manifattur lokali tal-ikel/xorb, għandu jipprovdi proposta dettaljata tal-platti u/jew prodotti ppakkjati li jittieklu inkluż l-ingredjenti, il-preżentazzjoni, eċċ. Dawn il-platti jistgħu jiġu żviluppati aktar flimkien mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta wara l-iffirmar tal-kuntratt ta’ ftehim. Kwalunkwe emenda għall-kontenut tal-proposta għandha tiġi ppreżentata wkoll lill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għall-approvazzjoni minn qabel u għandha tkun skont il-viżjoni tagħha għall-festival. Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, kull platt għandu jkun fih l-ekwivalenti ta’ porzjon tal-bidu u għandu jkun bi prezz raġonevoli biex iħeġġeġ lill-pubbliku jixtri platti li jikkonsistu minn prodotti lokali.
L-Aġenzija se tipprovdi lill-applikanti li jintgħażlu b’mejda biex jinbiegħu il-prodotti minn fuqha fil-Valletta Design Cluster mingħajr ħlas.
Il-prodotti tal-ikel u tax-xorb u l-platti offruti jistgħu jinkludu iżda mhux limitati għal, dan li ġej:
o Prodotti ppakkjati lokalment bħal żejt taż-żebbuġa, ġulepp tal-ħarrub, għasel, ċatni, zlazi, ġuleppi, u prodotti relatati
o Laħam
o Ħut u frott tal-baħar
o Frott u ħaxix
o Bajd
o Ħalib u ġobon
o Ħobż u prodotti tal-forn lokali
o Ħelwa tradizzjonali (melħija)
o Ċikkulata u ħelu (deżerti tradizzjonali, qagħaq tal-għasel, ħelu tal-festi, imqaret eċċ…)
o Prodotti vegani u veġetarjani prodotti lokalment
o Xorb prodott lokalment
L-applikanti li jintgħażlu se jżommu d-dħul kollu ġġenerat mill-bejgħ.
STRUZZJONIJIET GĦALL-APPLIKANTI PROSPETTIVI
- L-applikanti prospettivi għandhom jissottomettu Formola ta’ Applikazzjoni mimlija u approvata kif xieraq li tinkludi d-dettalji u d-dokumenti kollha mitluba.
- L-applikanti prospettivi għandhom jiżguraw li l-isem ta’ kuntatt fuq il-Formola tal-Applikazzjoni jkun dak tal-individwu li, jekk jirnexxi, se jidħol fi ftehim mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għall-parteċipazzjoni waqt il-Festival tal-Ikel Lokali tal-Belt.
- Meta applikant jissottometti l-Formola ta’ Applikazzjoni, huwa mifhum li l-applikant qara u jaqbel mat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ din l-Espressjoni ta’ Interess u jafferma d-dikjarazzjonijiet kollha. L-ebda kundizzjonijiet u alterazzjonijiet għar-rekwiżiti elenkati f’dan id-dokument ma għandhom jiġu introdotti/imposti mill-applikant fuq l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
- Jistgħu jiġu aċċettati offerti multipli sakemm isiru sottomissjonijiet separati.
- Kollaborazzjonijiet ma’ koki/produtturi oħra huma permessi, madankollu l-Applikant għandu jibqa’ l-unika parti responsabbli relatata ma’ din l-applikazzjoni u kwalunkwe komunikazzjoni/ftehim sussegwenti.
- Kull applikant irid ikollu mill-inqas 18-il sena fiż-żmien tal-applikazzjoni.
- Kull applikant għandu jkollu numru tal-VAT validu.
- Billi jissottomettu applikazzjoni, l-applikanti prospettivi se jkunu qed jikkonfermaw li s-sottomissjonijiet tagħhom jibqgħu validi għal perjodu ta’ 90 jum mill-iskadenza tas-sottomissjoni ta’ din l-Espressjoni ta’ Interess.
SKEDA TAL-APPLIKAZZJONI
L-Espressjoni ta’ Interess għall-parteċipazzjoni tiftaħ fl- | 15/07/2024 |
Talbiet ta’ kjarifika jistgħu jintbagħtu permezz ta’ email sa mhux aktar tard mill- | 04/09/2024 f’12:00 (nofsinhar) |
Skadenza għat-tweġibiet ta’ kjarifika kif maħruġa mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta | 05/09/2024 f’12:00 (nofsinhar) |
L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu permezz ta’ email sa mhux aktar tard mill- | 06/09/2024 f’12:00 (nofsinhar) (GMT+2/CEST) |
L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet hija il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru 2024 f’12:00 (nofsinhar) (GMT+2/CEST). L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu permezz ta’ email fuq applications@vca.gov.mt.
Applikazzjonijiet tard jew mhux kompluti mhux se jiġu kkunsidrati. Madankollu, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tirriżerva d-dritt li testendi l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-Applikazzjoni fid-diskrezzjoni tagħha.
Se titwaħħal skeda tal-ftuħ fuq in-notice board tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fis-sekwenza ta’ kif jintlaqgħu l-applikazzjonijiet abbażi tat-timbru tal-ħin fuq l-email.
REKWIŻITI GĦALL-PREŻENTAZZJONI
L-applikanti għandhom jimlew u jissottomettu l-Formola ta’ Applikazzjoni inkluża fl-Anness I ta’ din l-Espressjoni ta’ Interess.
Bħala parti mill-Formola tal-Applikazzjoni, kull applikant għandu jissottometti l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li ġejjin:
TAQSIMA A: Dettalji tal-Applikant
TAQSIMA B: Dettalji tal-kollaboraturi (jekk applikabbli)
TAQSIMA Ċ: Proposta
TAQSIMA D: Dikjarazzjoni
TAQSIMA E: Lista ta’ Kontroll u Dokumentazzjoni Addizzjonali
N.B. Jekk wieħed jew aktar mir-rekwiżiti jew oqsma elenkati jkunu neqsin jew mhux kompluti, l-applikazzjoni sottomessa tiġi skwalifikata immedjatament u ma tiġix ikkunsidrata.
Nota 1: L-applikanti għandhom jissottomettu d-dokumenti rilevanti f’format PDF permezz ta’ email jew links ta’ trasferiment ta’ fajls (eż. wetransfer.com). Links għal sistemi ta’ ħażna ta’ cloud bħal Google Drive jew One Drive ma jiġux ikkunsidrati.
GĦAŻLA U EVALWAZZJONI
2.5.1 Linji Gwida tal-Għażla
Kull applikazzjoni se tiġi ttrattata b’kunfidenza stretta mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni. L-Awtorità Kontraenti tirriżerva d-dritt li tagħżel u/jew tirrifjuta kwalunkwe jew l-applikazzjonijiet kollha sottomessi fid-diskrezzjoni tagħha. Jekk l-ebda wieħed mill-applikanti ma jitqies sodisfaċenti skont il-viżjoni tal-festival u r-rekwiżiti ta’ din l-Espressjoni ta’ Interess, l-Awtorità Kontraenti tirriżerva d-dritt li tassenja mejda lil operaturi ekonomiċi oħra (li mhux neċessarjament kienu involuti fi din l-Espressjoni ta’ Interess).
L-Awtorità Kontraenti tirriżerva wkoll id-dritt li tpoġġi xi applikazzjonijiet fuq lista ta’ riżerva u tikkuntattjahom aktar tard. F’dan il-każ, l-ebda tibdil fil-kontenut tal-applikazzjonijiet kif sottomessi mill-operatur ekonomiku rispettiv ma għandu jiġi milqugħ. Jekk l-Awtorità Kontraenti tikkuntattja lil dawn l-applikanti wara l-perjodu ta’ validità ta’ 90 jum tal-offerta, dawn l-applikanti jistgħu jiddiskutu mill-ġdid il-kontenut tal-proposta tagħhom mal-Awtorità Kontraenti.
Il-Proċess tal-Għażla se jkun ibbażat fuq il-kriterji li ġejjin:
- L-applikant irid jkun manifattur lokali tal-ikel/xorb.
- L-Aġenzija qed tfittex bejjiegħa ta’ ikel u xorb li jistgħu jikkontribwixxu għal ċelebrazzjoni ta’ prodotti lokali u kreattività waqt il-Valletta Local Food Festival; avveniment iddedikat għall-uniċità tal-gastronomija Maltija permezz tal-promozzjoni ta’ ikel, u xorb lokali u kreattiv ġenwin. Dan għandu jkun rifless fil-kontenut tal-applikazzjoni, il-proposta u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn sottomessi mill-applikanti.
- L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tiddetermina liema huma l-aktar applikanti adattati fid-diskrezzjoni tagħha u skont il-viżjoni li għandha tal-Valletta Food Festival 2024 skont il-kunċett propost mill-applikanti.
Se jsiru ftehimiet ma’ applikanti li l-proposti tagħhom jirriflettu bl-aħjar mod il-viżjoni li għandha l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal dan il-Festival. Jekk aktar minn applikant wieħed jipproponi l-istess kunċett, l-ispazji jistgħu jingħataw mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda skont it-timestamp tal-email sottomessa li fiha l-formola tal-applikazzjoni u d-dokumenti relatati.
2.5.2 Grid ta’ Evalwazzjoni
Il-parteċipanti prospettivi jridu jissottomettu d-dokumentazzjoni li ġejja bħala parti mis-sottomissjoni tagħhom. Il-punti għandhom jiġu allokati abbażi tal-kriterji elenkati biswit il-punti. Il-kriterji mmarkati bħala obbligatorji jirrikjedu s-sottomissjoni ta’ dokument obbligatorju għalhekk għandha tiġi pprovduta tweġiba għal kull kriterju għall-konformità teknika tas-sottomissjoni.
|
Marki biex applicant jgħaddi: 60
Marki totali: 100
TERMINI U KUNDIZZJONIJIET
PRODOTTI U MWEJJED
- Għandhom jinbiegħu u jintużaw fil-preparazzjoni tal-ikel tal-platti prodotti manifatturati u prodotti lokalment biss;
- L-applikanti li jintgħażlu għandhom jattendu sessjoni ta’ tagħrif preparatorju fil-Valletta Design Cluster fil-Belt (il-ħin u d-data se jiġu kkonfermati aktar tard mill-Aġenzija);
- L-applikanti li jintgħażlu għandhom jipparteċipaw fid-dati kollha tal-Festival, speċifikament fit-18, id-19 u l-20 ta’ Ottubru 2024 bejn is-6:00pm u l-11:00pm il-Ġimgħa u s-Sibt; u bejn l-10:00am u l-5:00pm il-Ħadd;
- L-applikanti li jintgħażlu għandhom jipproduċu u jagħmlu disponibbli l-platti u/jew ix-xorb/i kulinari miftiehma mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fid-dati kollha tal-Festival. Kwalunkwe tibdil fil-platti u/jew xorb proposti, inkluż l-ipprezzar, jeħtieġ li jiġi approvat minn qabel mill-Aġenzija biex tiġi żgurata l-aderenza mal-kunċett tal-Proġett;
- L-applikanti li jintagħżlu għandhom jipprovdu l-ingredjenti kollha meħtieġa biex jippreparaw il-platt/i u/jew ix-xorb proposti u approvati mill-Aġenzija;
- L-applikanti li jintgħażlu għandhom jipprovdu t-tagħmir tagħhom stess biex jippreparaw il-platti u/jew ix-xorb, sakemm l-użu tal-kċina fil-Valletta Design Cluster ma jkunx mitlub u approvat. Jekk l-applikanti magħżula jagħmlu użu mill-kċejjen u t-tagħmir tal-Valletta Design Cluster, iridu jaqblu li jkunu responsabbli għat-tagħmir li jkun disponibbli, li jirritornaw it-tagħmir kollu fl-aħħar ta’ kull sessjoni tat-tisjir nadif u f’kundizzjoni tajba, u li jirrappurtaw kwalunkwe ħsara lit-tim tal-Valletta Design Cluster immedjatament;
- L-applikanti li jintgħażlu għandhom jikkonformaw mal-Politika Ambjentali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta;
- L-applikanti li jintgħażlu se jżommu d-dħul kollu ġġenerat mill-bejgħ. Ebda kumpens finanzjarju m’għandu jintalab mill-Aġenzija għall-forniment ta’ dan is-servizz.
- L-applikanti magħżula għandu jkollhom il-poloz tal-assigurazzjoni kollha meħtieġa inkluż ir-responsabbiltà pubblika; li tkopri kwalunkwe forma ta’ riskji inklużi ħsara, telf, ħsara lill-ġisem, mewt fir-rigward ta’ terzi persuni. L-Awtorità Kontraenti m’għandha tkun involuta f’ebda tilwima legali bħala riżultat tal-operazzjonijiet tal-operatur(i) ekonomiku/ekonomiċi b’rabta mal-avveniment. Kopja ta’ polza ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà pubblika valida għandha tiġi sottomessa lill-Awtorità Kontraenti mal-approvazzjoni tal-kuntratt. Barra minn hekk, huwa rrakkomandat li l-operatur ekonomiku magħżul ikollu kopertura ta’ assigurazzjoni adegwata biex jilqa’ għal kwalunkwe telf, ħsara jew serq ta’ tagħmir li jkun validu tul it-tul kollu tal-kuntratt; kopja tiegħu tista’ tintalab fl-istadju ta’ implimentazzjoni tal-kuntratt. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta m’għandhiex tinżamm responsabbli jew tkun involuta f’xi tilwima jew litigazzjoni relatata mat-telf, il-ħsara jew is-serq ta’ kwalunkwe tagħmir li jitħalla waħdu mill-operatur(i) ekonomiku magħżul(i) fuq il-post.
Miżati
L-applikazzjoni hija bla ħlas.
Armar u Żarmar
- Se tiġi pprovduta skeda ta’ armar u żarmar tal-Valletta Local Food Festival lill-applikanti li jintgħażlu flimkien mal-ftehim tal-kuntratt li għandha tiġi mħarsa.
- L-applikanti li jintgħażlu għandhom jipprovdu t-tagħmir tagħhom stess. Jekk l-applikanti magħżula jkollhom bżonn jagħmlu użu mit-tagħmir tal-Valletta Design Cluster, iridu jaqblu li jkunu responsabbli għat-tagħmir li jsir disponibbli, li jirritornaw it-tagħmir kollu fl-aħħar ta’ kull jum f’kundizzjoni tajba, u li jirrappurtaw kwalunkwe ħsara lit-tim tal-Valletta Design Cluster immedjatament;
- Il-provvista tal-elettriku għat-tħaddim tat-tagħmir se tkun ipprovduta mill-Aġenzija.
PERMESSI U LIĊENZI
- L-operaturi ekonomiċi magħżula għandhom jikkonformaw mar-regolamenti lokali tas-Saħħa u s-Sigurtà, ir-regolamenti u l-leġislazzjoni tal-industrija Maltija tal-catering, kwalunkwe liċenzji u permessi meħtieġa biex ikunu eliġibbli għall-bejgħ/kummerċ u d-Dipartiment tal-VAT. L-ikel u x-xorb kollu għall-bejgħ għandu jkun konformi mar-regolamenti sanitarji lokali stabbiliti mill-awtoritajiet u l-applikanti li jintgħażlu għandu jkollhom il-liċenzji u l-permessi kollha meħtieġa (validi) sabiex ibigħu l-prodott. Dawn il-permessi jistgħu jintalbu fi kwalunkwe ħin mill-Awtorità Kontraenti.
- L-operaturi ekonomiċi magħżula għandhom ikunu fil-pussess ta’ Ċertifikat validu ta’ Food Handlers jekk applikabbli.
- L-applikanti magħżula li jbigħu l-alkoħol iridu jkunu fil-pussess ta’ Liċenzja valida għall-bejgħ tal-alkoħol u l-bejgħ kollu huwa r-responsabbiltà tal-applikant;
- L-applikanti magħżula jridu jkunu fil-pussess tal-liċenzji u l-permessi kollha meħtieġa għall-bejgħ/kummerċ mal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. (Dawn il-permessi jistgħu jintalbu mill-Aġenzija mal-iffirmar tal-Kuntratt);
- L-ikel u x-xorb kollu għall-bejgħ għandu jkun konformi mar-regolamenti sanitarji lokali stabbiliti mill-awtoritajiet;
- Dawk kollha li jservu / jimmaniġġjaw ikel u xorb għandhom jilbsu l-ilbies protettiv meħtieġ, ingwanti li jintremew u kull forma oħra ta’ tagħmir iġjeniku protettiv;
- L-oġġetti kollha għall-bejgħ għandhom jikkonformaw mar-regolamenti u l-leġiżlazzjoni lokali;
- Jekk l-operatur(i) ekonomiku/ekonomiċi magħżul(a) jinqabad/jinqabdu jikser/jiksru xi regolament, jistgħu jintalbu mill-Awtorità Kontraenti u/jew awtoritajiet lokali kompetenti oħra biex jagħlqu l-post u jwaqqfu l-bejgħ b’effett immedjat. L-operatur(i) ekonomiku/ekonomiċi ma jkun(u) intitolat(i) għall-ebda kumpens u għandhom ikunu responsabbli biex iħallsu kwalunkwe multa mġarrba mill-awtoritajiet lokali kompetenti. Kwalunkwe multi mġarrba jew proċedimenti tal-Qorti li jirriżultaw minn tali azzjonijiet għandhom jitħallsu għal kollox minn / ikunu r-responsabbiltà tal-operatur(i) ekonomiku/ekonomiċi. Barra minn hekk, kwalunkwe talba għal rimborż mhix se tintlaqa’.
- Il-Liġijiet Maltin kollha rilevanti għall-attività għandhom jiġu osservati fl-intier tagħhom mill-operatur(i) ekonomiku/ekonomiċi magħżul(a);
L-Aġenzija mhux se tkun responsabbli għal kwalunkwe azzjoni jew multi li jkunu saru bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti lokali.