Il-VCA se tkun qed taħdem ma’ Skyline Webcams biex tipprovdi ‘live streaming’ tal-infjorata ġewwa Pjazza San Ġorġ, sinonima mal-Valletta Green Festival, grazzi għal kamera li se titpoġġa fuq il-Palazz tal-Granmastru, li se toffri veduta mill-aqwa tal-pjazza. Il-pubbliku se jkun jista’ jara l-infjorata billi jaċċessa din il-kamera x’ħin jixtieq tul il-jiem tal-festival.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li “waħda mill-avvenimenti ewlenin li daħlet fil-kalendarju annwali ta’ attivitajiet fil-Belt Valletta, hija bla dubju l-Infjorata li titella’ fi Pjazza San Ġorġ f’Mejju. Sena wara l-oħra, din l-installazzjoni fi sfond ta’ messaġġ ambjentali, jirnexxielha tiġbed lejha u ssaħħar eluf ta’ nies li jżuruha. Ninnota b’mod pożittiv li għas-sena 2020 l-Infjorata ser tkun qiegħda titella’ xorta minkejja l-imxija tal-Covid-19. Għal din is-sena l-pubbliku ser ikun jista’ jgawdi din l-installazzjoni b’mod virtwali. Din ser tkun inizjattiva oħra li qieghdin nadottaw b’mod li l-pubbliku ġenerali xorta jkun jista’ igawdi minn ġewwa daru.”
Xogħol l-artista Lisa Marie Kähler, u ispirata mid-disinni ta’ fjuri u l-forom tal-Art Nouveau, l-infjorata bl-isem ta’ ‘Beeodiversity’ titfa’ dawl fuq il-bijodiversità, it-tema tal-Valletta Green Festival għal din is-sena. Tinkludi varjetà ta’ elementi li jirrappreżentaw l-ambjent tagħna, inklużi l-flora u l-fawna lokali. In-naħla hija l-punt fokali ta’ dan id-disinn, li għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar dak kollu li huwa ta’ riskju għall-bijodiversità. Permezz ta’ dan id-disinn, il-pubbliku huwa mħeġġeġ isostni ekosistema b’saħħitha li tista’ tibqa’ titgawda minn ħafna ġenerazzjonijiet.
L-infjorata ta’ din is-sena mhix biss magħmula mill-fjuri, li qed jitkabbru mill-Environmental Landscapes Consortium (ELC), iżda wkoll minn materjali organiċi u sostenibbli oħra, bħal-lumi u l-qxur tal-lewż. Il-fjuri jirrappreżentaw lin-naħal bħala d-dakkara.Permezz ta’ dan il-
proċess, in-naħal għandhom rwol importanti fl-ekosistema hekk kif jgħinu lis-siġar u l-pjanti biex jikbru, li mbagħad joħolqu l-ikel u l-kenn għal speċi oħra. L-għasafar estinti u l-iljunfanti żgħar jirrappreżentaw it-telfa li nsofru jekk nitilfu lin-naħal, hekk kif dawn qegħdin f’riskju minħabba t-tniġġis fl-arja, il-biedja kummerċjali u t-telf tal-ambjent naturali. Il-mewġ jirrappreżenta l-ilma li għandu rwol ewlieni fis-sopravivenza tagħna. Iż-żona bir-ramel tirrappreżenta lill-ġenerazzjonijiet tal-futur, li jixraqilhom jirtu ambjent san. Hija żona ta’ potenzjal, żona fejn l-azzjonijiet tagħna se jiddeterminaw jekk in-natura hux se titħalla bla ħajja u mingħajr bijodiversità.
Segwi l-paġna ta’ Facebook tal-Valletta Cultural Agency għal aktar informazzjoni, u biex tara l-infjorata onlajn bejn is-7 u l-10 ta’ Mejju.