It-tema għall-edizzjoni ta’ din is-sena hija l-importanza tal-ispazji pubbliċi, il-protezzjoni tal-ħabitats naturali u l-effett li dan għandu fuq il-flora u l-fawna tal-gżejjer tagħna. L-attrazzjoni prinċipali tal-festival, l-infjorata, ser tkun qed issir fi Pjazza San Ġorġ.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr kif il-Valletta Green Festival kull sena qed iżid fil-popolarità tiegħu.
“Dan il-festival juri biċ-ċar il-viżjoni tal-Gvern li żamm il-wegħda tiegħu biex jintroduċi aktar tħaddir urban,” qal Dr Bonnici u spjega li t-tema magħżula għal din is-sena hija l-importanza ta’ spazji pubbliċi, il-ħarsien tal-abitat u l-effett li qed iħalli t-telf tal-abitat fuq il-flora u l-fawna tal-gżejjer tagħna.
“Attivitajiet bħal dawn jibqgħu isaħħu l-mod artistku u kulturali mhux biss għaliex nagħmlu użu minn ġonna u postijiet pubbliċi f’avvenimenti kulturali iżda wkoll għax in-natura hija sors kbir ta’ ispirazzjoni u mingħajra nitilfu parti importanti mill-identità tagħna,” sostna l-Ministru Bonnici.
L-entitajiet li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, se jkunu qed jipparteċipaw biex joħolqu kuxjenza akbar dwar l-ispazzji miftuħa, ir-riċiklaġġ, il-protezzjoni tal-abitat naturali, il-bijodiversita u l-konservazzjoni tar-riżorsi.
“Permezz ta’ dan il-festival, se noffru spazju ta’ informazzjoni għall-pubbliku dwar il-ħidma li entitatjiet differenti qed jagħmlu favur is-sostenibilità, ambjent aktar b’saħħtu u sigur, u spazji aċċessibbli,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
“Il-Valletta Green Festival, li issa daħal fid-disgħa sena tiegħu, hu mezz ewlieni għall-Agenzija Kulturali għall-Belt Valletta sabiex bil-fatti titqajjem kuxjenza ambjentali madwar il-pajjiż, mhux biss fil-Belt Valletta,” tenna ċ-Ċermen tal-Aġenzija Jason Micallef.
L-infjorata ta’ din is-sena, magħmula minn aktar minn 50,000 pjanta li jinkludu l-ħwawar u titratta d-disinn ta’ żrinġ fi spazju ta’ 500 metru kwadru, hija intiża biex tqajjem kuxjenza dwar il-qerda tal-ħabitat taż-Żrinġ Impinġi (Painted Frog) li huwa l-uniku amfibju li għandna f’Malta. Il-festival ta’ din is-sena ser jinkludi wkoll il-korsa ta’ ostakoli għall-klieb Ruff Mudder li se tiġi introdotta fi Ġnien Laparelli nhar it-30 ta’ April mill-10am sal-4pm. Wara l-inizjattiva tas-sena l-oħra, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkompli bil-kontribut tagħha favur l-tħaddir urban u se tħalli warajha legat ta’ 15% ta’ diversi pjanti u siġar fi Triq il-Gendus u Triq San Karlu, il-Belt Valletta.
Diversi stands ser jittellgħu fi Pjazza San Ġorġ fejn ser tkun qed tingħata informazzjoni lill-pubbliku dwar inizjattivi ħodor u l-ambjent. L-istand ta’ ‘Water be the Change’ fi Pjazza San Ġorġ ser tipprovdi lill-viżitaturi b’informazzjoni filwaqt li l-persunal se jkun jista’ jwieġeb kwalunkwe mistoqsija dwar il-ħarsien tal-ambjent u dwar modi kif jista’ jitnaqqas il-konsum tal-ilma bla bżonn u t-tniġġis tal-ilma.
Wasteserv se tkun qed tipparteċipa permezz tal-kampanja ‘Separate right, make our future bright’, immirata lejn it-titjib tar-riċiklaġġ u l-ġenerazzjoni ta’ aktar għarfien dwar ir-rimi tal-iskart. L-entità ser ikollha wkoll trakk stazzjonat fi Pjazza Tritoni fejn il-pubbliku jista’ jissepara l-iskart matul il-festival.
L-Awtorità tar-Riżorsi Ambjentali se tkun qed twaqqaf wirja li turi l-ambjent naturali tal-gżejjer Maltin inklużi l-imsaġar, l-għerien, art tipika Mediterranja mimlija b’siġar baxxi u r-ramel. Il-wirja għandha l-għan li toħloq kuxjenza dwar dawn il-ħabitats u tenfasizza l-importanza tagħhom.
Ambjent Malta se tkun qed tagħti informazzjoni dwar siġar indiġeni filwaqt li tagħti dimostrazzjonijiet u twassal informazzjoni dwar is-siti ta’ Natura 20000 u Żoni tal-Baħar Protetti.
L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ser tkun qed tipparteċipa billi tippreżenta l-aktar teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, li huma innovattivi u ekonomikament viabli li jistgħu jintuzaw biex insaġġmu u inkessħu l-bini filwaqt li jitnaqqsu l-emmissjonijiet.
Il-festival ser jittella’ f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u l-Ministeru għax-Xogħolijiet Pubbliċi u l-Ippjanar.
L-entitajiet parteċipi huma l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA), l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Ambjent Malta, Wasteserv u Parks Malta u L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.