Il-Valletta Green Festival jirritorna bejn il-25 ta’ April u l-4 ta’ Mejju, u jibdel Pjazza San Ġorġ fi ġnien tal-ħolm impressjonanti b’żewġ funtani tal-ilma, siġar kbar, mijiet ta’ arbuxelli, u eluf ta’ fjuri kkuluriti. L-installazzjoni hija mfassla għall-mixi u r-rilassament, u tistieden lill-viżitaturi biex igawdu n-natura fil-qalba tal-belt.
Il-festival jippromwovi l-għarfien ambjentali permezz ta’ serje ta’ stands edukattivi, workshops interattivi, u divertiment fil-Belt kollha. Il-programm ta’ din is-sena jinkludi parteċipazzjoni minn ERA, Project Green, Ambjent Malta, Circular Economy Malta, Wasteserv, MEEE u Eco Market Malta.
“Il-Valletta Green Festival ikompli jenfasizza r-rwol tal-kultura fit-tiswir ta’ futur aktar sostenibbli. Huwa mod prattiku u impenjattiv biex in-nies jinġabru flimkien u jiffokaw fuq dak li verament jgħodd—l-ambjent tagħna u r-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tagħna,” qal Jason Micallef, Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
Fi Pjazza San Ġorġ, il-viżitaturi jistgħu jimxu ma’ tul il-passaġġi tal-ġnien tal-ħolm flimkien ma’ għadd ta’ stands li jqajmu għarfien ambjentali. Il-pjazza se tospita wkoll attivitajiet ekoloġiċi għall-etajiet kollha, inkluż sessjonijiet ta’ żriegħ ta’ qsari, logħob, giveaways, u photo booth.
Tul Triq it-Teatru l-Antik, Eco Market ta’ kuljum se jkun fih prodotti sostenibbli u magħmulin lokalment. Face painting u workshops għat-tfal bla ħlas—inkluż arti fuq iċ-ċagħaq u artiġjanat upcycled—se jsiru fis-27 ta’ April, l-1 ta’ Mejju, it-3 ta’ Mejju, u l-4 ta’ Mejju, bejn il-11am u s-2pm.
Fi Pjazza Tritoni, il-viżitaturi jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ għarfien ambjentali mmexxija mill-Wasteserv u l-MEEE Mobile Unit.
Id-divertiment se jkun mifrux madwar il-belt, b’karattri bħal Timon & Pumba u Donald & Daisy jduru madwar il-Belt fil-25 u s-27 ta’ April mill-10am sa 12pm. Tikka Banda se jdoqqu fit-30 ta’ April u l-1 ta’ Mejju bejn il-11am u s-1pm, filwaqt li l-grupp tal-perkussjoni Trakadum se jagħti spettaklu madwar il-Belt Valletta fit-3 ta’ Mejju mill-11am sa 12.30pm.
Il-Valletta Green Festival se jkun miftuħ kuljum, u joffri xi ħaġa għal kulħadd—sew jekk int kurjuż dwar is-sostenibbiltà, qed tfittex attivitajiet tal-familja, jew sempliċement trid tgawdi l-ġnien.
