Il-Valletta Green Festival – l-avveniment annwali sinonimu mal-kalendarju kulturali Malti – fetaħ dalgħodu u ser jibqa għaddej sa nhar it-Tlieta 11 ta’ Mejju. Din hija l-akbar edizzjoni minn mindu beda jittella’ l-festival.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, flimkien mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Jose Herrera u l-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli, fetħu l-Valletta Green Festival.
“Din hija it-8 edizzjoni tal-Valletta Green Festival, fejn kull sena kien ta’ suċċess u komplejna ninvestu fil-Belt Valletta. Hija parti mill-viżjoni tal-Gvern li nintroduċu aktar tħaddir urban u għaldaqstant parti mis-siġar u arbuxelli li qed jintużaw waqt dan il-Festival ser jitħallew b’mod permanenti sabiex inkomplu nħaddru l-Belt Valletta,” sostna il-Ministru Jose Herrera.
“It-tema magħżula għal din is-sena, dik ta’ zero pollution, tirrifletti l-impenn tagħna li nnaqqsu t-tniġġiż. Permezz tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Parks Malta, qedgħin noffru spazju kreattiv biex min iżur l-istands jifhem aħjar kemm il-ħidma li qed issir mill-entitajiet u għalfejn din il-ħidma tikkontribwixxi għas-sostenibilita ta’ pajjiżna,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
F’diskors qasir, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef tenna, “Fl-okkażjoni tal-akbar edizzjoni tal-Valletta Green Festival, huwa ta’ sodisfazzjon ghalija li minn din is-sena u kull sena, wara l- Valletta Green Festival ser inħallu legat ta’ 25% f’dak li għandu x’jaqsam mat-tħaddir aqwa u isbaħ tal-Belt Valletta”.
Il-festival din is-sena se jkun qed isir madwar il-Belt, minn Bieb il-Belt sa Pjazza San Ġorġ, fejn se jkunu qed isiru l-attivitajiet ewlenin.
L-infjorata ta’ din is-sena ġiet iddisinjata mill-artist lokali Zack Ritchie u turi fekruna kkulurita ispirata mit-tema tal-European Green Week ta’ din is-sena,‘ Zero Pollution ’.
Sadanittant, dawk kollha li qed jidħlu l-Belt qed jintlaqgħu minn ġnien temporanju ispirat mill-ġonna formali tal-passat fi Pjazza Ħelsien, quddiem il-Parlament. Fuq disinn ta’ the Garland Company, din l-installazzjoni ta’ Bieb il-Belt għandha tqassim klassiku li jgħaqqad b’mod sabiħ mal-arkitettura eleganti tal-Belt Valletta u jservi bħala stedina biex wieħed jirrifletti fuq l-importanza tat-tħaddir urban. Dan il-ġnien gie mibni bl-użu ta’ injam użat, xhieda li l-materjali abbandunati jistgħu wkoll jiġu riċiklati u jingħataw ħajja u skop ġdid.
Siġar indiġeni fosthom tal-Prinjol, Riħan u Rand qed iżejnu Pjazza De Valette. Mitt siġra taċ-Ċipress -qegħdin tul Triq ir-Repubblika, Pjazza Repubblika u Pjazza San Ġorġ u siġar tal-lumi u l-larinġ fi Pjazza l-Assedju l-Kbir.
l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi se tkun pproduċiet doqqajs (kaxxa tan-naħal) magħmula bi struttura b’injam tal-baħar fi Pjazza San Ġorġ. L-għan tal-installazzjoni huwa li tenfasizza l-importanza tal-pollinazzjoni għall-bijodiversità u kif it-tniġġis jaffettwa dan il-proċess.
Il-punti ta’ informazzjoni tal-‘Water be the Change’ u l-PARKS fi Pjazza San Ġorġ, jipprovdu lill-viżitaturi b’informazzjoni waqt li ser ikunu qed jiġu mwieġba l-mistoqsijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent u modi kif jitnaqqas il-konsum tal-ilma u t-tniġġis. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qegħda preżenti wkoll fi Pjazza San Ġorġ bi trakk tal-ilma li jagħmel disponibbli ilma tax-xorb b’xejn.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kite Festival, kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina u l-Fondazzjoni Maltija għall-Benessri tas-Soċjetà, se ssir fit-8 ta’ Mejju fl-10 ta’ filgħodu, permezz ta’ ZOOM. L-avveniment ta’ din is-sena se jsir fil-forma ta’ workshop onlajn, bin-nies, b’mod partikolari t-tfal, jiġu mistiedna biex jipparteċipaw billi l-Kite Master is-Sur Guo Hongli jaqsam il-pariri u t-tekniki dwar kif tibni t-tajra perfetta. L-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, bħala rappreżentanta tal-Fondazzjoni Maltija għall-Benesseri tas-Soċjetà, se tagħmel diskors tal-okkażjoni. Il-parteċipanti huma mistiedna jippreparaw il-materjali meħtieġa minn qabel (li jistgħu jinstabu fuq il-paġna tal-avveniment fuq Facebook) biex ikunu jistgħu jsegwu.
Dan il-ġnien huwa parti ewlenija tal-proġett ta’ riġenerazzjoni urbana li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta wettqet fiż-żona tal-Baviera. Il-ġnien ta’ fuq il-bejt huwa kompletament aċċessibbli permezz ta’ lift li jgħaqqad l-ispazju mal-pjan terran u l-bitħa ċentrali tal-Valletta Design Cluster u huwa miftuħ għall-pubbliku kuljum mit-8am sas-6pm.