Il-Valletta Design Cluster u l-ġnien ta’ fuq il-bejt ta’ din il-binja, li huma proġett tal-legat tal-Valletta 2018 il-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura, huma spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva li tinsab fil-Biċċerija l-Antika li ġiet restawrata fil-Belt Valletta, Malta. L-għan tal-Valletta Design Cluster huwa li jipprovdi spazju u opportunitajiet għall-operaturi kulturali u kreattivi ta’ Malta. Dan il-proġett li issa jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, kien parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej u b’kollox ġie jiswa €10.4 miljun.
Dan il-proġett Malti ġie ppreżentat għal dan il-premju mill-Arkitett Frank Muscat ta’ Doric Studio li hija kumpanija ta’ arkitetti li rebħet it-tender biex isir il-ġnien. Dan il-ġnien ġie ddisinjat mir-rebbieħ tal-premju għall-arkitett żagħżugħ Ġappuniż tal-2018, Tetsuo Kondo. Il-kunċett tal-arkittett Kondo huwa mdawwar mal-idea ta’ santwarju mħaddar jew oasi, li jipprovdi spazju għat-tiġdid kemm tan-natura kif ukoll tan-nies, fi ħdan kuntest urbanizzat ħafna iżda sinjur fl-istorja.
Dan il-premju għandu l-għan li jippromwovi u jfittex bilanċi ġodda għall-ispazji li huma mfassla biex jippermettu relazzjoni, kemm fiżika u kemm teoretika, bejn l-arkitettura u l-pajsaġġ iddisinjat bil-għan li jiġu promossi sinerġiji ġodda fi ħdan il-bini u n-natura għad-dinamika urbana ġdida f’dawn it-temi li ġejjin: City Landscape, City Play, Brand & Landscape, Tourism, Landscape, Landscape in Light u Digital Landscape.
Dan il-premju huwa maħsub għall-Arkitetti, l-Inġiniera, id-Disinjaturi u l-Professjonsiti, l-Universitajiet, il-Muniċipalitajiet, l-Amministrazzjonijiet Pubbliċi, il-Korpi Pubbliċi, l-Assoċjazzjonijiet u l-Fondazzjonijiet, li jingħataw premju għall-oriġinalità, l-innovazzjoni u l-kwalità tal-proġetti mwettqa.