Quddiem dan ix-xenarju straordinarju fejn il-ħajja li konna drajna ngħixu waqfet, fejn parti sinifikanti mill-popolazzjoni tinsab magħluqa d-dar, it-tim ta’ Faro 2027, responsabbli għall-kandidatura ta’ din il-belt għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura, iddeċieda li jistieden diversi bliet Ewropej biex jaqsmu l-esperjenza ta’ dan il-mument bla preċedent fl-istorja riċenti tagħna permezz tal-lenti ta’ fotografu u l-kitbiet ta’ awtur letterarju. Ir-risposta kienet immedjata u entużjasta u 14-il belt malajr ingħaqdu flimkien biex jenfasizzaw kif l-Ewropa hija daqshekk identika, anki jekk bid-differenzi tagħha.
Kull belt stiednet fotografu u awtur letterarju u r-riżultat ta’ dawn ix-xogħlijiet issa jinsab fuq europeathome.eu, fejn il-pubbliku jista’ jaċċessa mhux biss ix-xogħlijiet artistiċi iżda wkoll informazzjoni dwar kull belt involuta, kif ukoll bijografiji qosra ta’ kull artist. Il-pjattaforma hija faċli ħafna biex tintuża, b’navigazzjoni permezz ta’ mappa jew menus fejn wieħed jista’ jagħżel belt, fotografu jew artist letterarju.
Il-proġett beda bi bliet li jpoġġu l-kultura bħala waħda mill-assi ewlenin ta’ żvilupp tagħhom, bliet li huma, kienu jew jixtiequ jkunu relatati mal-proġett tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura: Bodø (in-Norveġja); Chemnitz (il-Ġermanja); Esch-sur-Alzette (il-Lussemburgu); Faro (il-Portugall); Kaunas (il-Litwanja); Leeuwarden (l-Olanda); Novi Sad (is-Serbja); Oulu (il-Finlandja); Piran (is-Slovenja); Plovdiv (il-Bulgarija); San Bastjan (Pajjiż Bask / Spanja); Tartu (Estonja); Valletta (Malta) u Veszprèm (Ungerija). Għal Malta, il-fotografu Alexandra Pace u l-awtriċi Simone Inguanez qed jikkontribwixxu għall-proġett.
Bħalissa hemm erbat ibliet oħra li qed jaħdmu biex ilestu x-xogħlijiet artistiċi tagħhom biex dawn jittellgħu fuq il-pjattaforma diġitali. Il-promotur tal-proġett jista’ jiżvela wkoll li Europe at Home mistenni jkompli jikber u li diġà hemm għaxart ibliet oħra interessati li jingħaqdu mal-proġett.
Għalkemm ħafna mill-ibliet li dehru f’din l-ewwel fażi tal-proġett huma relatati mat-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, “Europe at Home” għandu l-għan li jkun moviment miftuħ li jfittex li jħaddan kwalunkwe belt fl-Ewropa u kwalunkwe artisti tagħha, kif ukoll iċ-ċittadini. Sabiex iwettaq dan, il-proġett qed jistieden lill-Ewropej biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’dan iż-żmien ta’ emerġenza billi jaqsmu – fuq il-profili pubbliċi fuq il-midja soċjali – ritratti u vidjows bl-hashtag #europeathome. Wieħed jista’ jara kumpilazzjoni ta’ dawn l-immaġini fuq il-paġna ewlenija tal-websajt tal-proġett.
Idħol fuq europeathome.eu u sir af aktar dwar dawn l-ibliet Ewropej differenti u l-perspettiva artistika tagħhom, li tista’ tidher u tinqara, f’dan il-mument partikolari fl-istorja tagħna waqt li ninsabu kollha d-dar.