Il-Malta Fashion Week ser tirritorna b’ġimgħa sħiħa ta’ ċelebrazzjoni tal-moda, inklużi l-Malta Fashion Awards li din is-sena jiċċelebraw il-25 sena mit-twaqqif tagħhom.
Il-Malta Fashion Week ser tittella’ bejn it-3 u s-7 ta’ Lulju li ġej u l-post magħżul għal din is-sena huwa l-Funtana ta’ Tritoni u l-Ġnien tal-Biskuttin.
Din l-informazzjoni tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, flimkien maċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef u l-Fundatur u Producer tal-Malta Fashion Week, Adrian J. Mizzi.
Il-Ministru Owen Bonnici qal kemm il-kultura hi dinamika u taf toħloq diversi opportunitajiet li jkopru n-niċeċ kollha tal-ekonomija kreattiva. Tenna li dan l-avveniment isaħħaħ il-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna u li l-gvern hu determinat li flimkien mas-settur privat jagħti iktar pjattaformi għat-talent lokali. “Il-ħidma prinċipali tagħna ser tibqa’ dik li nkomplu nattiraw u ntellgħu avvenimenti kulturali fuq skala kbira f’pajjiżna. Dan filwaqt li nkomplu noffru l-opportunitajiet sabiex l-ekonomija kreattiva tkompli timraħ,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li l-Malta Fashion Week saret attrazzjoni importanti fil-kalendarju kulturali lokali. “Nifhmu li l-eżiġenzi tat-turisti tal-lum il-ġurnata huma prinċipalment marbutin ma’ esperjenza turistika li tkun waħda ta’ kwalità u diversifikata. Għalhekk jeħtieġ li nkomplu ninċentivaw attivitajiet bħall-Malta Fashion Week, li fuq numru ta’ jiem toffri l-opportunità biex turisti b’imħabba lejn id-dinja tal-moda jaraw il-potenzjal tat-talent Malti f’dan is-settur,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
Dawk li ser jattendu l-Malta Fashion Week se jkunu jistgħu jesploraw kollezzjonijiet ġodda minn disinjaturi lokali stabbiliti u anke dawk ġodda, kif ukoll dawk internazzjonali. Fost il-pajjiżi barranin li ser jipparteċipaw insibu l-Italja, is-Serbja, l-Afrika ta’ Isfel, kif ukoll bħala ġest ta solidarjetà bħalma ġara s-sena l-oħra, l-Ukrajna ser tkun mistiedna speċjali.
Fost id-disinjaturi Maltin insibu lil Charles & Ron, Parascandalo, Yana’s Jewellery, Eversince li għall-ewwel darba ser jingħaqdu miegħu d-ditta Urban Jungle, Gagliardi, James Dimech u oħrajn. Kif ukoll Sultana, Lumija, Tolo, Double M u Captain’s Cut li ser jagħmlu d-debutt tagħhom waqt il-Fashion Week. Filwaqt li mis-Serbja nsibu lil Suzana Peric, mill-Italja Elisabetta Rende’ u mill-Ukrajna lil Paskal.
Fl-istess ħin, ġewwa l-Ġnien tal Biskuttin ser tittella’ esebizzjoni ta’ fotografija minn fotografi Maltin fosthom Kurt Paris, Brian Grech, Matthew B Spiteri, Kris Micallef, Darren Zammit Lupi, u oħrajn.
Nhar it-Tnejn 10 ta’ Lulju, ser jiġu ċċelebrati l-25 sena mit-twaqqif tal-Malta Fashion Awards permezz ta’ edizzjoni speċjali bil-Funtana ta’ Tritoni bħala l-isfond tal-palk fejn se jiġu ppremjati l-aqwa nies fis-settur tal-moda. Is-serata tibda minn ġewwa l-lukanda Phoenicia, permezz ta’ trażmissjoni tar-red carpet, u tkompli fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija biċ-ċelebrazzjoni tal-premjijiet. Din is-sena ser tkun kompletament differenti mis-snin ta’ qabel, għaliex din is-sena ser issir f’forma ta’ dokumentarju li ser iwassal l-istorja tal-moda lokali. It-titlu magħżul għal din is-sena huwa ‘The Untold Story’.
Il-Malta Fashion Week 2023 hija organizzata minn Adrian J Mizzi, bl-appoġġ ta’ Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u bl-appoġġ ukoll tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit www.maltafashionweek.com.