Dan huwa wieħed minn serje ta’ attivitajiet li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed torganizza f’Ottubru u Novembru.
Opera in the City – The Three Tenors ser ikun l-ewwel kunċert li fih tliet tenuri Maltin ta’ fama internazzjonali, Nico Darmanin, Cliff Zammit Stevens u Alan Sciberras ser ikunu qed ikantaw flimkiien. Huma ser ikunu akkumpanjati minn Sofia Narmania fuq il-pjanu.
Il-pubbliku huwa għatxan għal dan il-kunċert u l-biljetti għalih inħatfu hekk kif tħabbar.
“Dan huwa avveniment b’differenza fejn ser nippreżentaw tliet tenuri żgaħżagħ ewlenin Maltin. Bil-mod il-mod l-avvenimenti tal-massa qed jerġgħu jidħlu fil-kalendarju kulturali Malti. Dan jawgura tajjeb u jindika li qed nersqu lejn in-normalita,” stqarr il-Ministru Jose Herrera.
“Dan huwa sinjal u messaġġ qawwi li fil-Belt Valletta ser inkunu qed niġu lura għan normal f’dak li għandu x’jaqsam ma’ avvenimenti kulturali u l-atmosfera li konna magħrufin għalija qabel u waqt l-2018 u immedjatament wara, qabel kellna niefqu ħesrem minħabba l-pandemija,” tenna iċ-Ċhairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef.
Opera in the City – The Three Tenors joffri serata ta’ melodiji operistiċi u oħrajn popolari u famużi mad-dinja kollha, minn dawn it-tliet tenuri b’vuċijiet uniċi u partikolari ħafna.
L-ewwel edizzjoni ta’ Opera in the City ittellgħet f’Diċembru 2020 u kienet suċċess kbir.
Ir-repertorju għat-tenuri huwa wieħed mill-aktar melodiċi u jinkludi bosta siltiet magħrufa sew. Il-kunċert tas-Sibt joffri mhux vuċi waħda iżda tlieta.
L-idea għal kunċerti bħal dawn twieldet waqt il-pandemija meta l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bdiet torganizza avvenimenti intimi fuq skala żgħira fi Pjazza Repubblika, ħdejn il-Bibliotheca.
Permezz ta’ Opera in the City – The Three Tenors, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed toffri avvenimenti artistiċi, b’mod partikolari l-opra (bel canto) fil-qalba tal-kapitali tagħna.
Hekk kif ir-restrizzjonijiet kontra t-tixrid tal-virus Covid-19 komplew jitnaqqsu grazzi għar-rata għolja ta’ tilqim f’Malta, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tkompli tappoġġja lill-artisti u sforzi biex is-settur kulturali u artistiku jerġa’ lura għan-normalità u tippromwovi xenarju li fih l-artisti issa jistgħu jkomplu jaħdmu mingħajr limitazzjonijiet.
Għal aktar informazzjoni dwar Opera in the City – The Three Tenors u avvenimenti oħra żur vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Ibgħat email fuq info@vca.gov.mt jew ċempel fuq 21242018 għal informazzjoni dwar il-biljetti.
Din hija produzzjoni tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta f’kollaborazzjoni ma’ FTZ Community Foundation.