Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li “huwa ta’ pjaċir għalina li għal darb’oħra se jittella’ dan l-ispettaklu uniku ġewwa l-Port il-Kbir, avveniment li issa sar sinonimu fost l-attivitajiet sajfin ġewwa l-Belt Kapitali tagħna. Se nkunu qed nuru dan l-avveniment live fuq it-televiżjoni sabiex inkunu nistgħu nagħtu divertiment lill-pubbliku Malti u Għawdxi anke matul dawn iż-żminijiet mhux tas-soltu.”
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tenna li “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li wieħed mill-akbar proġetti ta’ Valletta 2018, il-Valletta Pageant of the Seas, anke din is-sena daħal fil-programm kulturali tal-VCA bħala parti mil-legat ta’ Valletta 2018. Il-Valletta Pageant of the Seas hija opportunità kbira għas-settur artistiku lokali u internazzjonali f’xenarju uniku tal-Port il-Kbir.”
L-attivitajiet se jibdew wara nofsinhar bit-Tellieqa Telliqun; kompetizzjoni divertenti fil-Port il-Kbir bejn numru ta’ timijiet li se jtellqu l-inġenji tal-baħar li jkunu bnew huma stess mingħajr l-użu ta’ moqdief, magni, jew għajnuna oħra. Bħalissa hemm miftuħa sejħa għall-parteċipanti. Jekk int jew xi ħadd li taf interessat, nistednuk tniżżel l-applikazzjoni minn fuq is-sit tal-VCA, www.vca.gov.mt, jew tagħmel kuntatt magħna fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook. Is-sejħa tagħlaq fid-29 ta’ Ġunju 2020.
Is-serata se tissokta bi spettaklu fuq il-baħar minn xejn inqas minn 20 dgħajsa tal-pass u 40 dgħajsa tal-qlugħ, bl-isem ta’ Il-Mappa, li se jixxandar live fuq it-televiżjoni. Taħt id-direzzjoni artistika tad-direttur tal-ispettaklu, kuratur, għalliem u kittieb internazzjonali Chris Baldwin, il-qlugħ ta’ dawn id-dgħajjes se jinbidlu fi skrins li juru projezzjonijiet iddisinjati apposta għal din l-okkażjoni. Baldwin kien Direttur Kreattiv ta’ Galway, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura (l-Irlanda), kiteb u dderiġa żewġ xogħlijiet ewlenin bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Logħob Olimpiku ta’ Londra fl-2011 u l-2012, u kien Kuratur tal-Prestazzjoni Interdixxiplinari għal Wroclaw, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fi Polonja. Huwa ħadem ukoll fi Spanja, ir-Renju Unit, il-Polonja, il-Bulgarija u l-Ġermanja. Taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Andrew Alamango u b’viżwali ta’ Charlie Cauchi, dawn l-iskrins se juru immaġni akkumpanjati mill-vuċijiet u l-mużika ta’ diversi Beltin li se jirrakkuntaw l-istejjer tagħhom.
Għal aktar informazzjoni, segwi l-paġna ta’ Facebook tal-Valletta Cultural Agency.