- Vjaġġ Kulinarju permezz tal-Ifjen Togħmiet ta’ Malta
Dan ix-xahar, il-Belt Valletta se terġa’ ssir il-qalba tax-xena kulinarja Maltija bir-ritorn tal-Valletta Local Food Festival.
Il-festival ta’ din is-sena jwiegħed vetrina dinamika tal-kċina u l-kultura lokali, fejn min iħobb l-ikel jista’ jduq togħmiet awtentiċi filwaqt li jesplora t-talenti kulinari ta’ koki u artiġjani lokali. Organizzat fl-isfond pittoresk tal-Valletta Design Cluster, il-festival se jittella’ nhar il-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta’ Ottubru mis-6pm sal-11pm u l-Ħadd 20 ta’ Ottubru bejn l-10am u l-5pm, u joffri atmosfera vibranti għal kulħadd.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal, “Il-Valletta Local Food Festival huwa xempju perfett ta’ kif it-tradizzjonijiet kulinari tagħna jgħaqqdu lin-nies u jikkontribwixxu għall-identità nazzjonali tagħna.”
“Bħala Gvern aħna nemmnu bis-sħiħ li dawn l-avvenimenti huma kruċjali biex inkomplu nippreservaw il-kultura u l-istorja tagħna permezz tat-togħmiet uniċi tal-gżira tagħna. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu sehem f’din l-esperjenza li mhux biss turi t-talenti lokali f’dan is-settur imma tgħaqqadna bħala komunità,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
“Il-Valletta Local Food Festival jiċċelebra l-qofol tal-kultura Maltija permezz tat-tradizzjonijiet kulinari vibranti tagħha. Din hija opportunità għalina biex naqsmu t-togħmiet li jiddefinixxu l-wirt tagħna u nġibu n-nies flimkien f’ċelebrazzjoni ta’ dak li jagħmel lil Malta unika,” qal iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef.
“Il-Valletta Local Food Festival ta’ din is-sena joffri vjaġġ kulinari matul il-pajsaġġ gastronomiku Malti,” qal id-Direttur Artistiku tal-Valletta Local Food Festival, Charles Bone. “Nilqgħu lil kulħadd biex jesperjenza t-talent, il-kreattività u l-passjoni tal-koki tagħna hekk kif jippreżentaw menu divers li jiċċelebra l-ġżira tagħna u t-togħmiet eċċezzjonali tagħha.”
Il-Punti Ewlenin tal-Valletta Local Food Festival 2024 jinkludu:
Vetrina tal-Gastronomija Maltija:
Skopri l-platti uniċi li jiddefinixxu l-kċina Maltija, minn ravjul u torti lokali għal laħam taċ-ċanga mixwi u majjal, ħlewwiet tradizzjonali u aktar:
- FILFLA CHILI CO: Prodotti bħall-ġammijiet magħmulin mill-felfel fosthom Xemxi, Filfli, Basli, and Buwġi.
- Marie Patisserie Ltd: Ħelu tradizzjonali bħal krustini, biskuttini bil-ġamm tal-frawli u mqaret bil-ġelat antik.
- Ta’ Żeppi Farm: Ġobon magħmul mill-ħalib tal-mogħoż u n-nagħaġ, ġbejniet u bigilla.
- Matilde Pasta e Basta: Ravjul, timpana, ross il-forn, stuffat tal-fenek u pulpetti tal-lampuki.
- Maxtar: Ftajjar bil-laħam u l-majjal il-forn, ftira Għawdxija u qassatat tat-tiġieġ.
- Busy Bee: Ottijiet, krustini, biskuttini tar-raħal u pastini.
- Bonaci: Bsaten ta’ San Ġużepp u ħelu ieħor.
- Tal-Fokkli Winery: Soppa tal-Armla u qagħaq tal-għasel.
- Elia: Torta tal-Lampuki, ġelat tradizzjonali u cocktails fil-Ġnien ta’ Fuq il-Bejt.
Il-kok Ronnie Caruana se jaħdem il-ħelu Malti u jaqsam l-għarfien dwar il-vjaġġ kulinari tiegħu. Il-viżitaturi jistgħu wkoll igawdu minn birer artiġjanali, inbid, ġobon, u żjut taż-żebbuġa. L-avveniment jinkludi mużika live, artiġjanat Malti, u workshop mill-MALTAccelerate bħala parti minn EIT Food għal kumpaniji ġodda dwar il-produzzjoni tal-ikel li ġej mill-biedja. Irreġistra llum biex tipparteċipa f’dan il-workshop interattiv fid-19 ta’ Ottubru.
Titlifx din l-opportunità biex idduq l-ifjen togħmiet tal-kċina Maltija.
Id-dħul huwa B’XEJN!
Dan l-avveniment huwa organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u appoġġjat minn Visit Malta. Għal aktar informazzjoni żur vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-VCA.