L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tkompli l-programm tagħha Christmas in the City b’kunċert ta’ Red Electrick fil-Belt Valletta.
Dan l-avveniment ser jittella’ Pjazza Repubblika, taħt l-Arkati ħdejn il-Biblijoteka fil-Belt Valletta, il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru fis-7pm.
Dan huwa kunċert speċjali għal Red Electrick u matulu ser tindaqq għall-ewwel darba d-diska tagħhom tal-Milied 2020 flimkien ma’ Luke Chappell.
Din hija inizjattiva oħra tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fl-aktar sena diffiċli għall-artisti.
Il-kanzunetta l-ġdida, Christmas Time With You, tistedinna nneħħu l-mezzi teknoloġiċi minn idejna u ngħaddu l-ħin ma’ dawk li nħobbu filwaqt li ngawdu l-ispirtu tal-familja. Hija titratta dwar il-fatt li aħna wisq ikkunsmati mill-midja soċjali u x’inhuma jgħidu n-nies dwarna, li darba kultant tajjeb li niffukaw fuq u napprezzaw dak li għandna. Christmas Time With You hija miktuba minn Joe Roscoe u Luke Chappell, b’mużika ta’ Aleandro Spiteri Monsigneur, Joe Roscoe, Peter Borg u Ivan Borg. Il-kanzunetta għandha mixing u produzzjoni ta’ Peter Borg minn Railway Studios.
Bħala parti mill-kunċert ta’ 90 minuta, Red Electrick se jdoqqu numru ta’ kanzunetti favoriti fosthom; Dive In, Young Again, Paul, The Runaway, G.o.r.g.e.o.u.s, New Day, Right Here u Who the Heck is Rek.
Minħabba l-miżuri ta’ mitigazzjoni ta’ kontra l-Covid-19, il-postijiet għandhom jiġu riżervati b’email fuq info@vca.gov.mt. Il-bilijetti huma bla ħlas.
Żur [il-paġna ta’ Facebook](https://www.facebook.com/vallettaculturalagency) jew il-websajt tal-aġenzija (www.vca.gov.mt) għall-programm sħiħ.