Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, fetħu l-10 edizzjoni tal-Valletta Green Festival, fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici spjega, “Dan il-proġett huwa ħolqa oħra minn katina li tgħaqqad l-arti, l-kultura u l-ambjent, fost l-oħrajn. Il-Valletta Green Festival huwa l-post fejn wieħed jibni l-memorji”.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef tenna, “Din l-akbar edizzjoni tal-Valletta Green Festival hija rigal mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta lill-ommijiet kollha fi tmiem il-ġimgħa ta’ Jum l-Omm. Nistiednu lill-familji jingħaqdu flimkien biex igawdu dan l-ispazju mill-isbaħ fil-qalba tal-kapitali u l-attivitajiet li ġew ippjanati”.
Il-ġnien jinkludi 62 siġra kbira, madwar 5,000 arbuxelli, flimkien ma’ 13,000 pjanta u żewġ funtani. Uħud mis-siġar jilħqu sa tliet metri għoli u jinkludu firxa wiesgħa ta’ varjetajiet Mediterranji bħal Ħarrub, Ċipru, Canfora, Oleander, u siġar taż-Żebbuġ, li ħafna minnhom għandhom bejn 60 u 80 sena. Mifrux fuq spazju ta’ 42.82 metri b’27.53 metri, dawk kollha li se jżuruh għandhom oażi mhux tas-soltu biex jesploraw.
L-attivitajiet jinkludu mużika live minn Trakadum, is-Sibt 11 ta’ Mejju bejn l-10.30am u nofsinhar u Ta’ Verna Folk Band,bejn is-2pm u l-4pm nhar il-Ħadd 12 ta’ Mejju (Jum l-Omm). Is-Sibt 18 ta’ Mejju se tkun qed titella’ flash mob.
Żur l-istands tal-EcoMarket mifruxin tul Triq it-Teatru l-Antik kuljum mill-10am sas-6pm, fil-qalba tal-Belt Valletta. Bħala karatteristika ewlenija ta’ dan il-festival, l-EcoMarket huwa sinonimu ma’ bejjiegħa ta’ oġġetti magħmulin bl-idejn, u li huma ambjentalment konxji u sostenibbli. Wieħed jista’ jgawdi minn varjetà ta’ prodotti u servizzi għall-adulti u t-tfal fosthom prodotti tas-sbuħija, ġojjelli u oġġetti tal-moda, pitturi, oġetti dekorattivi u ħafna aktar. Fi tmiem il-ġimgħa ser jiġi offrut face painting għat-tfal kif ukoll numru ta’ workshops prattiċi li jrawmu l-kuxjenza ambjentali bejn il-11 u t-12 ta’ Mejju u t-18 u d-19 ta’ Mejju, bejn it-3pm u s-6pm.
Derek Garden Centre u l-ERA qed jorganizzaw numru ta’ attivitajiet interattivi biex jitkattar l-għarfien dwar il-pjanti u s-sostenibbiltà.
Għal aktar informazzjoni żur it-taqsima tal-Attivatijiet fuq is-sit web tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna ta’ Facebook.