Titella’ Sessjoni ta’ Informazzjoni fil-Valletta Design Cluster f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea
Sylvain Pascqua, Espert ta’ Livell Għoli u Mexxej tat-Tim għall-azzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura f’isem il-Kummissjoni Ewropea, attenda għas-sessjoni u faħħar l-approċċ proattiv ta’ Malta. “Malta hija ppreparata sew u ’l quddiem fil-proċess,” innota Pascqua, filwaqt li enfasizza l-impenn tal-gżira għall-iżvilupp kulturali.
Diversi kelliema prominenti indirizzaw is-sessjoni, fosthom il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li enfasizza l-importanza tal-investiment kulturali għat-tkabbir tal-komunità. Catherine Tabone, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, qasmet għarfien dwar l-importanza tal-istrutturi amministrattivi u t-tħejjijiet kontinwi fil-mixja lejn l-2031. L-eks Kap tal-Programmazzjoni u l-Produzzjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Joanne Attard Mallia, tkellmet dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programm Kulturali għal Valletta 2018. Id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta u eks Assistent Direttur Artistiku għal Avvenimenti Speċjali fil-Fondazzjoni Valletta 2018, Sean Buhagiar u Dr Georgina Portelli, Deputat Chairperson tal-MICAS, enfasizzaw l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn is-setturi kulturali u ħidma lejn il-ħolqien tal-infrastruttura neċessarja.
Jason Micallef, Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, irrifletta fuq l-esperjenza trasformattiva tal-Belt Valletta mindu nħatret bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018. “Dan il-vjaġġ kien dwar il-ħolqien ta’ xi ħaġa dejjiema. Huwa dwar aktar minn sempliċiment is-sena 2018—huwa dwar il-bini ta’ legat ta’ kreattività, inklussività, u reżiljenza,” stqarr.
Micallef enfasizza r-rwol vitali tal-kultura fir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, billi ġiet ittrasformata f’termini ta’ vibranza kulturali għal ċentru dinamiku għall-espressjoni artistika. “Il-kultura kienet l-għajta tagħna,” spjega, filwaqt li rrakkonta kif il-belt saret tila għall-kreattività, u toroq u pjazez inbidlu fi spazji vibranti għall-parteċipazzjoni.
Is-sessjoni pprovdiet ukoll opportunità għall-parteċipanti biex jitgħallmu dwar inizjattivi li ġejjin, filwaqt li rawmet il-kollaborazzjoni u d-djalogu fost diversi atturi kulturali. Dawk li attendew kienu mħeġġa jipparteċipaw b’mod attiv fit-tiswir tal-pajsaġġ kulturali ta’ Malta li se jwassal sal-2031.
Hekk kif Malta dieħla għal dan il-kapitlu ġdid, il-legat ta’ Valletta 2018 qed ikompli jispira, u jmexxi viżjoni kollettiva għal futur kulturalment għani u inklużiv.