Fadal biss ftit jiem għall-aħħar tas-sena u kollox jinsab lest għaċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef spjegaw l-aħħar pjanijiet loġistiċi qabel l-avveniment ta’ nhar is-Sibt.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan huwa l-ikbar avveniment tal-aħħar tas-sena f’pajjiżna fejn din is-sena se jkun hemm is-sehem ta’ aktar minn 40 artist lokali.
“Dan l-avveniment jibni fuq l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kultura fid-diversi ġeneri tagħha u fuq l-impenn tagħna li nkomplu nappoġġjaw it-talenti tal-artisti lokali filwaqt li nkomplu noffru attivitajiet kulturali ta’ kwalitá fil-Belt Kapitali u f’diversi postijiet f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef sostna li jinsab onorat li għal darb’oħra se jkun qed jittella’ l-ikbar avveniment lokali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena proprju fil-qalba tal-Belt Valletta. Huwa appella lill-pubbliku sabiex lejliet l-ewwel tas-sena jżur il-belt kapitali u jattendi għal dan l-avveniment bla ħlas sabiex igawdi minn atmosfera mill-isbaħ ta’ briju u mużika biex flimkien nagħlqu din is-sena u nagħtu merbħa lis-sena l-ġdida.
Il-lejla se tibda b’mużika minn Kurt Calleja and Band, segwita mill-mistiedna speċjali The Brass House Unit taħt it-tmexxija ta’ Kevin Abela, u minn diversi kantanti lokali stabbiliti fosthom Aidan Drakard, Amanda Marie, Brooke, Gloriana Arpa Belli, Jasmine, Kevin Paul Calleja, Ludwig Galea, Owen Luellen, Ozzy Lino, Pawlu Borg Bonaci u Tiziana Calleja. Dawn kollha se jkunu qed jeħduna fuq vjaġġ mużikali li se jikkonsisti fl-aqwa mużika tal-2022 kif ukoll f’numru ta’ kanzunetti li llum saru ikoniċi.
Eżatt qabel il-countdown, The Brass House Unit, flimkien mad-DJ lokali Debrii, se jkunu qed joffru spettaklu lill-eluf miġbura fil-Belt Valletta kif ukoll lil dawk li se jkunu qed isegwu t-trasmissjoni diretta taċ-ċelebrazzjonijiet fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali minn djarhom.
Ron, Taryn Mamo Cefai, Claire Agius Ordway u Clint Bajada se jkunu qed jippreżentaw din is-serata.
Iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena huma organizzati minn G7 bi Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali.