Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) Jason Micallef ħabbru d-dettalji dwar “Christmas in the Capital”, il-programm varjat annwali ta’ attivitajiet tal-Milied li se jittella’ fil-Belt Valletta mill-25 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2023.
Il-Ministru Owen Bonnici ddeskriva dan il-programm bħala opportunità għall-familji Maltin u Għawdxin biex iżuru l-Belt Kapitali ta’ pajjiżna matul il-perjodu tal-Milied.
“Il-Belt Kapitali tagħna, hija l-post perfett għal ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Dan l-avveniment jibni fuq l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kultura fil-ġeneri diversi tagħha u nibqgħu nagħtu sostenn lill-artisti,” qal il-Ministru Bonnici, filwaqt li saħaq li l-Gvern hu kommess li jkompli jkabbar l-attivitajiet kulturali fil-Belt Kapitali u fid-diversi postijiet f’pajjiżna.
Iċ-Chairperon tal-VCA Jason Micallef tenna kif fid-dawl ta’ dak li qed iseħħ f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, din is-sena fil-programm tal-Milied se jkun hemm ukoll attivitajiet li jevokaw sens ta’ paċi u li jfakkru l-qofol ta’ dawn iż-żminijiet, b’mod speċjali l-purċissjoni tradizzjonali ta’ Ġesù Bambin.
Is-Sur Micallef kompla jgħid li fuq medda ta’ xahar, se jittellgħu 29 attività u attrazzjoni għall-familji fil-Belt Valletta. Il-programm jinkludi stilt walkers, korijiet u kunċerti mużikali minn gruppi u kantanti popolari li jinkludu The Travellers, Michela, Ira Losco, Gianluca Bezzina, Centrestage Children’s Choir, Sean u Veronique, RIONA, Opening Doors, EnKor, Malta School of Music, KorMalta, Choral and Orchestral Society Maria Bambina u oħrajn. Huwa ħabbar ukoll li l-avveniment tal-aħħar tas-sena se jkun qed jerġa’ jsir fi Pjazza San Ġorġ u d-dħul għalih se jerġa’ jkun bla ħlas.
Il-Kap tal-Ipprogrammar u Produzzjoni fi ħdan l-Aġenzija Jessica Muscat qalet li d-dwal fit-toroq ewlenin fil-Belt Valletta u s-siġra tal-Milied ser jinxtegħlu fil-25 ta’ Novembru meta ser jiġi inawgurat ukoll presepju artistiku tal-Milied biswit id-daħla tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Il-proġezzjonijiet spettakolari tant mistennija fi Pjazza San Ġorġ imbagħad ser jibdew fl-4 ta’ Diċembru. Ser tindaqq ukoll mużika tal-Milied fi Triq ir-Repubblika matul il-perjodu kollu.
Fost avvenimenti oħra fil-programm Christmas in the Capital għal din is-sena se jkun hemm ukoll, workshops għat-tfal fil-Valletta Design Cluster, street animators u prestazzjonijiet taż-żfin minn Dancel Dance Studio.
Żur il-paġna tal-Attivitajiet u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.