Nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkun qed ittella’ il-ħames edizzjoni tal-Valletta Pageant of the Sea fil-Port il-Kbir.
Dan l-avveniment ta’ kull sentejn, li issa għandu postu mnaqqax fil-kalendarju kulturali tal-Belt Valletta, tħabbar illum f’konferenza tal-aħbarijiet miċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef flimkien miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia. Il-pubbliku huwa mistieden jara l-ispettaklu dirett fil-Port il-Kbir minn Xatt il-Barriera, il-Belt Valletta.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef stqarr li “L-edizzjoni ta’ din is-sena ser toffri spettaklu kbir fuq il-baħar magħmul mill-akbar funtani tal-ilma li qatt rajna f’pajjizna, projezzjonijiet fuq is-swar ta’ Sant’Anġlu b’tema ambjentali, logħob tan-nar sinkronizzat, u spettaklu ta’ dawl fil-Port il-Kbir”.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia tenna, “Il-Port il-Kbir huwa destinazzjoni fih innifsu fil-Belt Valletta u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tenfasizza is-sbuħija tal-Belt mhux biss għall-familji Maltin iżda wkoll għat-turisti li se jgawduha b’mod differenti permezz ta’ dan l-avveniment”.
L-ispettaklu ta’ din is-sena, bit-tema “Save the Sea”, fl-isfond tat-theddida ambjentali fl-ibħra madwar id-dinja f’dak li għandu x’jaqsam l-aktar il-plastic u l-microplastic, jiżvolġi madwar narrattiva animata kkumplimentata minn mużika oriġinali, funtani tal-ilma u logħob tan-nar sinkronizzat.
L-avvenimenti se jibdew fid-9pm bi spettaklu li jinkludi dgħajjes tal-pass u dgħajjes tar-regatta kif jidlam. Dan se jkun segwit minn projezzjoni li tinkludi narrattiva animata kkumplimentata mill-mużika oriġinali ta’ Cyprian Cassar.
L-ispettaklu se jkompli b’funtana tal-ilma mill-kumpanija internazzjonali Aquatique Show ispirata primarjament min-natura u l-ilma. B’aktar minn 35 sena esperjenza f’avvenimenti fuq skala kbira, huma joħolqu movimenti u ritmi mill-ilma li jirriflettu l-kultura tal-gżira.
Is-serata tagħlaq b’wirja kbira ta’ logħob tan-nar sinkronizzat minn fuq il-baħar.
Il-Valletta Pageant of the Seas qed jittella’ mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt, bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Valletta Pageant of the Seas u avvenimenti oħra, żur is-sit vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta