Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef ħabbru Christmas in the Capital, il-programm varjat annwali ta’ attivitajiet tal-Milied li se jittella’ fil-Belt Valletta mill-25 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Dan il-programm, li jinkludi l-avvenimenti kollha inkluż id-dwal tal-Milied u anki l-kunċert tal-aħħar tas-sena, se jkun qed isir mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta b’investiment ta’ nofs miljun ewro.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal, “Christmas in the Capital mhux biss huwa ċelebrazzjoni tas-sbuħija tal-Milied fil-qalba tal-Belt Valletta, imma jservi wkoll bħala mezz biex ngħaqqdu lin-nies flimkien. Kull min iżur il-Belt Valletta se jkun jista’ jgawdi minn attivitajiet kulturali, mużikali u artistiċi li jispikkaw waqt dan il-perjodu ta’ festi. Inħarsu ‘l quddiem għal Milied li jirrifletti l-ispirtu vera ta’ dawn iż-żminijiet.”
Ic-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, is-Sur Jason Micallef qal li din is-sena l-programm tal-Milied se jkun iffokat fuq attivitajiet ta’ briju u oħrajn li jevokaw sens ta’ paċi u li jfakkru l-qofol ta’ dawn iż-żminijiet, b’mod speċjali l-purċissjoni tradizzjonali u tant għażiża għalina l-Maltin ta’ Ġesù Bambin. Is-Sur Micallef kompla jgħid li dan il-Milied se nkunu qed nilqgħu lill-familji lura fil-Belt Valletta b’madwar 25 attività u attrazzjoni fuq medda ta’ xahar. Huwa stieden lil kulħadd biex jieħu nota tal-avvenimenti fuq il-programm fosthom id-dawl u t-tiżjin li jsebbħu l-Belt Kapitali, buskers, street entertainers, korijiet u kunċerti mużikali minn gruppi u kantanti popolari li jinkludu Chiara, Jason Xuereb, Janvil, Riona, Rachel Fabri, Veronique Vella, Franklin, Sean Borg, Centerstage Choir, Cappella Musicale Caeciliana, u oħrajn. Jason Micallef ħabbar ukoll li l-avveniment tal-aħħar tas-sena, l-akbar avveniment ta’ din ix-xorta f’pajjiżna, se jkun qed jerġa’ jsir fi Pjazza San Ġorġ u d-dħul għalih se jerġa’ jkun bla ħlas.
Is-siġra tal-Milied fi Pjazza Ħelsien u d-dwal fit-toroq ewlenin fil-Belt Valletta ser jinxtegħlu fl-24 ta’ Novembru meta ser jiġi inawgurat ukoll presepju artistiku tal-Milied biswit id-daħla tal-Konkaditral ta’ San Ġwann. Ser tindaqq ukoll mużika tal-Milied fi Triq ir-Repubblika matul il-perjodu kollu.
Fost avvenimenti oħra fil-programm Christmas in the Capital għal din is-sena se jkun hemm ukoll, workshop għat-tfal fil-Valletta Design Cluster, u prestazzjoni taż-żfin li tinkorpora madwar 50 żeffien minn Dancel Dance Studio bis-sehem ta’ Ludwig Galea quddiem il-Parlament.
Żur il-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.