L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tippreżenta l-esibizzjoni Transcending the Material – Anthony Spagnol Retrospective, li tiċċelebra aktar minn tliet deċennji ta’ esplorazzjoni artistika minn wieħed mill-aktar artisti kontemporanji ta’ Malta.
Ikkurata minn Jessica Muscat, din ir-retrospettiva hija miftuħa mit-Tlieta 3 ta’ Diċembru 2024 sat-8 ta’ Jannar 2025, fil-Palazz tal-Gran Mastru u titratta l-evoluzzjoni ta’ Spagnol mill-arti figurattiva għall-arti astratta u turi l-kapaċità unika tiegħu li jgħaqqad l-oqsma materjali u spiritwali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Catherine Tabone, saħqet li, “Ir-‘retrospettiva’ ta’ Anthony Spagnol tippermetti lil dawk li jżuruha biex jiġu f’kuntatt kemm ma’ dak li ma jintqalx kif ukoll ma’ dak li ftit li xejn jiġi diskuss. Dan il-proċess jgħin biex jiġi kkultivat għarfien storiku li mhux biss jagħmel il-passat rilevanti għaż-żmien tal-lum, iżda wkoll jawtentika u jarrikkixxi r-relazzjoni tal-bniedem maż-żewġ aspetti”.
Il-kuratur Jessica Muscat qalet li “Il-vjaġġ ta’ Spagnol mir-realiżmu għall-astratt ma jitrattax biss dwar evoluzzjoni stilistika iżda qawmien profond li jirrifletti traxxendenza tal-materjal spiritwali.. Permezz tal-użu preċiż tal-forma u l-kulur, Spagnol jistedinna biex nanalizzaw dak li ma jidhirx, u nsawru djalogu bejn l-arti, l-eżistenza u l-metafiżika.”
Ix-xogħol ta’ Spagnol jirrifletti vjaġġ ta’ introspezzjoni u innovazzjoni, ispirat mill-movimenti artistiċi postmodernisti Maltin u l-karriera tiegħu bħala konservatur. Xogħlijiet bikrija bħal The New Power Station (1992) u Wires in Mikiel Anton Vassalli Street (1993) jitrattaw tħassib dwar l-ambjent u s-soċjetà permezz ta’ xbihat figurattivi. B’kuntrast, ix-xogħlijiet astratti tiegħu li huma wkoll aktar riċenti, fosthom Transubstantiation (2005) u The Stations of the Cross (2011–2013), jistiednu lil min iżur l-esibizzjoni fi spazji meditattivi li jevokaw l-essenza intanġibbli tal-ispiritwalità.
L-esibizzjoni tinkludi xogħlijiet ispirati mill-impenn ta’ Spagnol mal-letteratura, il-mużika, u r-riflessjonijiet profondi tiegħu dwar il-fidi u l-mortalità. Ir-retrospettiva tenfasizza l-kontribuzzjonijiet sinifikanti tiegħu għall-arti Maltija u d-djalogu kontinwu tiegħu ma’ temi universali ta’ eżistenza, trasformazzjoni, u spiritwalità.
Transcending the Material – Anthony Spagnol Retrospective hija miftuħa kuljum mit-3 ta’ Diċembru 2024 sat-8 ta’ Jannar 2025 fil-Palazz tal-Granmastru, il-Belt Valletta bejn id-9am u l-5pm. Dħul b’xejn minn Triq il-Merkanti.
Għal aktar dettalji, żur il-websajt tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna tagħha fuq Facebook.