Illejla fil-Belt Valletta nxtegħlu l-projezzjonijiet tal-Milied fuq il-faċċata tal-Palazz tal-Granmastru u faċċata oħra fi Pjazza San Ġorġ, fejn għal darb’oħra qed tinħoloq atmosfera maġika tal-Milied fil-qalba tal-Belt Kapitali. Il-projezzjonijiet jinkludu xenarju mill-isbaħ ta’ smewwiet miżgħuda bil-kwiekeb.
Komplew ukoll l-attivitajiet fil-Belt Valletta wara li fis-27 ta’ Novembru ngħata bidu għall-programm Christmas in the Capital bil-mixgħela tad-dwal tal-Milied. Dan il-programm, b’avvenimenti ta’ kuljum fil-Belt Valletta, se jibqa’ għaddej sa’ l-aħħar tas-sena u jinkludu fost l-oħrajn il-purċissjoni tradizzjonali ta’ Ġesù Bambin, mużika mill-aqwa, żfin, korijiet, u workshops għat-tfal.
Bħal kull sena, l-projezzjonijiet fi Pjazza San Ġorġ kienu ferm mistennija mill-pubbliku u joffru attrazzjoni doppja għal dawk kollha li ser ikunu qed igawdu l-Milied fil-Belt Valletta.
Żur il-website vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.