Creative & Innovation Days fil-Valletta Design Cluster — Bħala parti mill-Ġimgħa Dinjija tal-Kreattività u l-Innovazzjoni
Fl-2018, in-Nazzjonijiet Uniti ddeċidew li jqisu l-21 ta’ April bħala l-Jum Dinji tal-Kreattività u l-Innovazzjoni. L-għan huwa li dan il-jum iservi bħala “Jum ta’ Osservanza” biex in-nies jiġu mħeġġa jużaw il-kreattività sabiex isolvu l-problemi fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030.
L-Istitut Edward de Bono għall-Ħsieb Kreattiv u l-Innovazzjoni f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta permezz tal-Valletta Design Cluster, u l-Malta Crafts Foundation se joħloqu sett ta’ avvenimenti bil-għan li jiċċelebraw il-Ġimgħa Dinjija tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (WCIW).
Il-programm interattiv ta’ attivitajiet fil-Valletta Design Cluster se jkun qed isir bejn l-20 u t-22 ta’ April. Hawnhekk għadd ta’ artiġjani se juru x-xogħol u l-prodotti tagħhom, u juru kif jinvolvu ruħhom fil-produzzjoni ta’ dawn l-artifatti b’modi innovattivi.
L-avveniment ta’ din is-sena se jippermetti lill-pubbliku jikseb għarfien dwar id-dinja ta’ dawn il-persuni kreattivi, inklużi l-artiġjani lokali, li se jipprovdu l-opportunità lil dawk li jattendu, li jitgħallmu u anke jipprattikaw xi wħud mill-ħiliet tagħhom. L-attivitajiet ser jinkludu l-parteċipazzjoni f’taħditiet, dimostrazzjonijiet u workshops, kif ukoll jikkontribwixxu għal bordijiet ta’ suġġerimenti.
Din hija opportunità kbira għal kulħadd biex jesperjenza l-enerġija kreattiva fil-Valletta Design Cluster filwaqt li jesplora l-binja u l-faċilitajiet tagħha. Kemm jekk hija esperjenza innovattiva ġdida ta’ kolazzjon jew tè waranofsinhar jew toħloq oġġetti ġodda minn xi ħaġa li għandek id-dar, il-mira hi li l-pubbliku jinvolvi ruħu fid-dinja ta’ dawn il-persuni kreattivi.
Irreġistra hawn għal kwalunkwe workshop, diskussjoni jew demo li tixtieq tieħu sehem fih.