Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, ħabbru dan l-avveniment ta’ wiri ta’ films mifrux fuq ħamest ijiem, fil-beraħ ta’ Ġnien Laparelli, illum wara nofsinhar, waqt konferenza stampa.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tenna, “Aħna kommessi li nkomplu bir-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta. Cinema City jkompli jibni fuq is-suċċess tal-Valletta Green Festival u huwa ċelebrazzjoni ta’ wiri ta’ films fil-miftuħ inkluż produzzjonijiet Maltin.”
Il-Ministru Bonnici qal li, “Dan l-avveniment jibni fuq l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kultura u nibqgħu nagħtu sostenn lill-artisti kif ukoll lill-industrija tal-films. Aħna kommessi li nkomplu ntellgħu aktar attivitajiet kulturali f’pajjiżna.”
L-edizzjoni ta’ din is-sena, kkurata mill-komunità tinkludi temi varji fosthom Films Klassiċi Moderni, lejla ddedikata għall-Animazzjoni, Film Malti u lejla għall-Familja. Il-films se jintwerew fid-9pm skont l-iskeda li ġejja:
It-Tlieta 24 ta’ Mejju – Little Miss Sunshine (16)
L-Erbgħa 25 ta’ Mejju – Simshar (12A)
Il-Ħamis 26 ta’ Mejju – The Matrix (12A)
Il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju – La Vita e Bella (PG)
Is-Sibt 28 ta’ Mejju – The Iron Giant (U)
Ispirati mill-inizjattiva tal-UE Be SpectACTive, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta stiednet membri tal-udjenza biex isiru parteċipanti attivi f’dan l-avveniment ta’ wiri tal-films. Il-voluntiera ntalbu jaraw numru ta’ films li jaqgħu taħt ġeneri differenti mill-kumdità u s-sigurtà ta’ darhom stess, li minnhom ġew magħżula l-ħames films li se jintwerew. L-udjenza tista’ tgawdi dan il-wiri ta’ films fil-miftuħ, mingħajr ħlas.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, mal-preżentazzjoni tal-Karta tal-Identità. Il-postijiet huma limitati u fuq bażi first come first served. Għal aktar informazzjoni, ibgħat email lill-Aġenzija fuq info@vca.gov.mt jew żur vca.gov.mt.