Eluf ta’ nies ilbieraħ ingħaqdu flimkien jiċċelebraw il-bidu tas-sena 2024 fil-Belt Valletta, f’atmosfera liema bħalha, fil-Kapitali ta’ Malta.
Fil-fatt huwa mifhum li n-numru ta’ Maltin u turisti fil-Belt Valletta ilbieraħ qabeż il-50,000 – numru li laħaq sew dak tal-2018 meta l-Belt Valletta kienet il-Kapitali Ewropea tal-Kultura. L-avveniment nazzjonali ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena, li ttella’ lajv minn Pjazza San Ġorġ, bis-sehem ta’ numru kbir ta’ kantanti u mużiċisti Maltin li qed jagħmlu isem lill-pajjiżna, għalaq xahar sħiħ ta’ attivitajiet organizzati mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bħala parti mill-Programm Christmas in the Capital.
Dan l-ikbar avveniment tas-sena jawgura tajjeb ħafna għall-inizjattivi ġodda li għandha mħejjija l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, fil-qalba tal-Kapitali, matul ix-xhur li ġejjin.
Il-lejla bdiet b’Lara and the Jukeboys band. Wara mbagħad ħadet ir-riedni f’idejha The Palace String Orchestra mmexxija minn Ryan Paul Abela flimkien ma’ line up ta’ wħud mill-aqwa kantanti lokali li fosthom kien hemm AIDAN, Drakard, Klinsmann, Jasmine, Megan May, Sarah Bonnici kif ukoll Emma Muscat bħala mistiedna speċjali.
Eżatt qabel il-countdown imbagħad, il-preżentaturi flimkien ma’ Dj Koroma u Dj Miggy ferrħu lill-folla fil-Belt u lil dawk li kienu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, b’mużika mill-aqwa, b’effetti speċjali fuq il-palk u b’logħob tan-nar fejn ingħata bidu kif jixraq lis-sena 2024.
Il-preżentaturi ta’ din is-serata kienu Ron, Taryn Mamo Cefai u Keane Cutajar.
Iċ-ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena ġew organizzati minn G7 Events bi Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.