Il-Padiljun ta’ Malta se jkun qed jippreżenta l-proġett bl-isem ta’ ‘Diplomazija Astuta’ li ġie magħżul minn tim imqabbad mill-Kummissarju tal-Padiljun li huwa l-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
It-tim ta’ dan il-proġett huwa magħmul mill-kuraturi Prof. Keith Sciberras u Jeffrey Uslip, l-artisti Arcangelo Sassolino, Prof. Giuseppe Schembri Bonaci u Maestro Brian Schembri, u l-manaġers tal-proġett Dott. Nikki Petroni, u Esther Flury. Dan il-proġett se jkun qed jittraduċi l-ankona seminali ta’ Caravaggio; Il-Qtugħ ta’ Ras ta’ San Ġwann il-Battista (1608) għaż-żminijiet moderni permezz ta’ installazzjoni kunċettwali, immersiva u speċifika għas-sit li tgħaqqad in-narrattivi Bibbliċi mal-kultura kontemporanja.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, kif ukoll il-Fondazzjoni Valletta 2018 qabilha, taħdem b’mod regolari ma’ wħud minn dawn l-artisti rinomati u membri oħrajn tat-team. Giuseppe Schembri Bonaci ilu jservi bħala d-Direttur Artistiku ta’ Strada Stretta Concept mill-2015 fejn, flimkien, ma’ Nikki Petroni – li għandha r-rwol ta’ koordinatur fi Strada Stretta Concept – u t-team kollu, ħolqu u ipproduċew sensiela ta’ avvenimenti artistiċi li jagħtu ħajja lil Strada Stretta. L-Aġenzija ħadmet ukoll fil-qrib mas-Surmast rinomat Brian Schembri fuq prestazzjonijiet mużikali fil-komunità li huma mfittxija ħafna.
Dan ix-xogħol se jiċċelebra l-iskambju storiku tal-arti għal mijiet ta’ snin bejn Malta u l-Italja, filwaqt li jindirizza ħafna mill-isfidi globali li niffaċċjaw fid-dinja tal-lum, inkluż inugwaljanza, il-ġustizzja u l-paċi. Ir-rappreżentazzjoni moderna tal-eżekuzzjoni traġika u vjolenti ta’ San Ġwann, li se tkun ambjentata fil-preżent se toffri lill-ispettatur eżami vixxerali tal-ġustizzja u l-paċi.