Dawn l-attivitajiet se jkunu qed isiru mit-22 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera tenna li dan il-programm qed jitħabbar wara numru ta’ avvenimenti li saru bi prova kif ukoll b’udjenza li kienet 100% mlaqqma. Il-Ministru qal ukoll li issa li erġajna qbadna t-triq għan-normalità, qed inħeġġu lill-poplu sabiex jattendi għal dawn l-attivitajiet li ser jiġu organizzati skont ir-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u jieħu gost igawdi l-atmosfera tal-Milied fil-belt kapitali tagħna.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li dan hu l-Milied ta’ wara l-pandemija. Dan se jkun l-akbar Milied fil-Belt Valletta, bl-akbar ammont ta’ attivitajiet u attrazzjonijiet għall-familja kollha li se jibdew mit-22 ta’ Novembru u jibqgħu għaddejjin sal-31 ta’ Diċembru. B’numru ta’ attrazzjonijiet kuljum mill-25 ta’ Novembru sal-25 ta’ Diċembru.
Dan hu programm ta’ sensiela ta’ attivitajiet, varjati inkluż avvenimenti mużikali, teatrali, u ta’ briju li se jdaħħlu lil kulħadd fl-ispirtu tal-Milied.
Għall-attività ta’ lejlet l-ewwel tas-sena se jattendi l-kantant Ingliż famuż John Newman. John Newman huwa magħruf għal diversi kanzunetti popolari fosthom “Feel the Love”, “Not Giving In”, “Love Me Again”, “Fire in Me” u “Feelings”. Apparti Newman, f’lejlet l-ewwel tas-sena se tieħu sehem The Palace String Orchestra fejn se jkun hemm prestazzjonijiet minn Aidan, Gaia, Jasmine, Klinsmann, Megan u Ozzylino, filwaqt li se jieħu sehem Debrii. L-avveniment se jkun ippreżentat minn Abel, JD u Martina.
Fost l-avvenimenti ewlenin se jkun hemm; id-dwal tal-Milied, is-siġar tal-Milied, proġezzjonijiet, mużika mill-ispeakers fi Triq ir-Repubblika, Eżibizzjonijiet teatrali, prestazzjonijiet mużikali, puppet shows, Blind Date with a Book u Presepju fi Pjazza San Ġwann.
Żur is-sezzjoni tal-[Avvenimenti](https://www.vca.gov.mt/en/events) ta’ dan is-sit u [l-paġna](https://www.facebook.com/vallettaculturalagency) tal-VCA fuq facebook għal aktar informazzjoni.