**Aġġornata l-Ġimgħa 22 ta’ Jannar fid-9.50am**
**B’dispjaċir inħabbru li l-Kunċert ‘Lieder’ li kien ippjanat għal għada filgħaxija kellu jitħassar minħabba raġunijiet marbuta mas-saħħa tas-sopran Tatiana Lisnic. Dawk li xtraw il-biljetti se jingħataw il-flus lura.**
Is-sopran Internazzjonali Tatiana Lisnic, magħrufa għat-timbru partikolari u l-espressività tal-vuċi tagħha, kellha tagħti kunċert ta’ siltiet klassiċi Romantiċi, fil-Casino Maltese, fit-23 ta’ Jannar fit-8pm.
Matul is-serata, Lisnic kellha tkun akkumpanjata min-noti melodiċi tal-arpista Britt Arend u flimkien kellhom jagħtu prestazzjonijiet ta’ kanzunetti magħrufa bħala lieder, bil-Franċiż, Ġermaniż, u Russu.
Matul dan il-kunċert ta’ siegħa, Lisnic u Arend kellhom jinterpretaw “Après un Rêve” u “Claire de Lune” ta’ Fauré, “Le Colibri” ta’ Chausson, “Oh, Quand Je Dors” ta’ Liszt, “Der Nussbaum” ta’ Schumann, “Standchen” ta’ Schubert, “A Dream” u “How Fair this Spot” ta’ Rachmaninoff.
Il-kelma Ġermaniża ‘lied’ ilha tintuża sa mis-Seklu 12 AD biex tirreferi għal polifonija li tgħaqqad il-poeżija mal-mużika. Bl-Ingliż jirreferu għaliha bħala ‘art song’, ġeneru li kiber matul il-perijodu Romantiku. Simili għall-alkemija, meta l-komponenti jingħaqdu flimkien joħroġ ħoss maġiku.
Tatiana Lisnic twieldet f’Cobalea, il-Moldova. Hija irċiviet diploma mill-akkademja mużikali “G. Dima” fi Cluj, ir-Rumanija u kompliet l-istudji tagħha ma’ Alida Ferrarini fl-Italja.
Tatiana Lisnic iddebuttat fl-1998 fit-teatru tal-opra ta’ Cluj bħala Nedda (“Pagliacci”), u wara bħala Ilia (“Idomeneo”).
Hija dehret fuq l-aktar palkijiet tal-opra famużi mal-akbar surmastrijiet fosthom f’La Scala di Milano, fit-Teatro La Fenice ta’ Venezia, fl-Opéra National de Paris, fir-Royal Opera House ta’ Covent Garden, fid-Deutsche Oper Berlin, fil-Japan Opera Foundation f’Tokyo, fit-Teatru Mikhailovsky f’San Pietruburgu u fis-San Diego Opera.
Lisnic għandha wkoll skeda ta’ kunċerti wiegħsa ħafna madwar l-Ewropa kollha u rrekordjat diversi xogħlijiet fosthom CD tal-opra “Gianni Schicchi” fil-karattru ta’ Lauretta għan-Naxos ma’ A. Rahbari u DVD bl-interpretazzjoni tagħha ta’ “Le Nozze di Figaro” fil-karattru ta’ Susanna għal-TDK ma’ R. Muti.