Il-festival tal-arti tal-komunità bl-isem ta’ Altofest se jkun qiegħed jittella’ fil-Belt Valletta dan ix-xahar. Altofest huwa proġett fejn l-udjenza se tkun tista’ tattendi għal preżentazzjonijiet artistiċi f’ambjent intimu fid-djar tan-nies.
Bħala parti mill-proġett, diversi djar ta’ residenti Beltin se jkunu qed jintużaw biex fihom l-artisti jtellgħu preżentazzjonijiet interessanti ħafna. Dan wara li disa’ artisti internazzjonali se jkunu għamlu perjodu jgħixu mar-residenti u jaħdmu sabiex il-Belt Valletta tiġi immaġinata mill-ġdid bħala komunità magħquda permezz tal-arti. Permezz ta’ dan il-proġett ser jinħolqu preżentazzjonijiet li jżewġu l-prattiki artistiċi mal-ħajja ta’ kuljum.
Bl-isem ta’ “Out of the blue” l-edizzjoni Altofest Valletta għas-sena 2022 tirrappreżenta r-rabta bejn kull preżentazzjoni skedata mit-13 sas-16 ta’ Ottubru. Permezz tad-direzzjoni u l-kurazzjoni minn Anna Gesualdi u Giovanni Trono u tad-drammaturġija minn Loretta Mesiti, Altofest jistedinna sabiex nidħlu f’dimensjonijiet mhux tas-soltu u mhux mistennija li jidhru bħal donnhom tfaċċaw għall-għarrieda.
Aħna nistednukom sabiex tingħaqdu mal-artisti u timxu l-pajsaġġ moħbi li jgħaqqad ix-xogħlijiet ta’ dan il-programm.
Altofest huwa proġett minn Teatringestazione f’koproduzzjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li qed isir bl-appoġġ tal-Istitut Kulturali Taljan u l-EU-Japan Fest u jkompli jibni fuq l-edizzjoni speċjali tal-Altofest li saret fl-2018. Altofest huwa proġett, li ra l-bidu tiegħu f’Napli fl-2011 u kompla jinfirex internazzjonalment permezz ta’ edizzjonijiet speċjali.
Dan il-festival qed isir b’kollaborazzjoni mal-Valletta Design Cluster.
Biex tara l-programm u tirriserva post żur https://www.teatringestazione.com/altofest/valletta2022/