Dan il-proġett se jieħu l-udjenza fuq vjaġġ mill-isbaħ ta’ mużika u xenografija, kif ukoll ħsejjes awtentiċi Maltin minsuġa f’narrattiva unika. Il-ħsejjes tal-mewġ, it-tokki tal-kampnar, iċ-ċekċik taċ-ċombini tal-bizzilla (u aktar) se jingħaqdu ħaġa waħda mal-orkestra.
Il-kompożitur tal-mużika sinfonika kollha ta’ “Agħti Widen” huwa Ruben Zahra – isem stabbilit fix-xena tal-mużika kontemporanja. Minbarra l-mużika, Zahra ħa ħsieb id-direzzjoni artistika, kif ukoll il-vidjografija ta’ dan il-proġett bl-assistenza ta’ team professjonali.
“Agħti Widen” jinkludi wkoll narrattiva mill-pinna tal-kittieb Trevor Żahra, interpretata mill-attriċi Kassidy Calleja, tifla ta’ 11-il sena. “Agħti Widen” jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ l-Malta Philharmonic Orchestra taħt id-direzzjoni tas-surmast Pavel Šnajdr u ta’ KorMalta taħt id-direzzjoni tas-surmast Riccardo Bianchi.
Biljetti minn showshappening.com.
Din il-preżentazzjoni se tkun qed issir taħt il-patroċinju tal-E.T George Vella, il-President ta’ Malta.
Din l-attività ġiet approvata mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika u se tkun qed issir skont ir-regolamenti maħruġin mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika.