Ġie mwaqqaf Kumitat għaż-żamma u mmaniġġjar aħjar fil-Belt Valletta, li jġib flimkien il-partijiet ewlenin. Dan kollu fil-kuntest tal-ħidma li qed issir fi ħdan il-Pjan ta’ Immaniġġjar għall-Belt Valletta, li għandu jwassal għal titjib fiż-żamma u mmaniġġjar fil-Belt Kapitali billi tiżdied l-manutenzjoni, l-ordni, is-sigurtà u l-aċċessibilità.
Dan il-Kumitat ser ikun magħmul minn diversi partijiet interessati fosthom il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-Korp tal-Pulizija, id-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni, il-GHRC, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubbliku.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat ser ikun is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Anthony Gatt.
Il-ħidma tal-Kumitat għadha fl-istadji inizjali tagħha iżda diġà beda jsir xogħol importanti. Waħda mill-ewwel inizjattivi kienet il-ħolqien tal-Valletta Stewards u l-Cleansing Team għall-Belt Valletta.
Il-Valletta Stewards twaqqfu biex jaġixxu ta’ deterrent għall-vandaliżmu u l-illegalitajiet, biex iżommu l-ordni, biex jgħinu lin-nies tal-lokal u t-turisti, u biex jassiguraw li kulħadd iżomm mal-liġijiet u r-regolamenti. Huma marbuta b’termini ta’ referenza stabbiliti mill-Kumitat. Ġew ipprovduti uniformijiet biex tiġi amplifikata l-preżenza tagħhom fil-Belt. Il-ħinijiet tax-xogħol tagħhom saru b’mod u manjiera li jirriflettu l-attività ekonomika u l-influss ta’ turisti fil-Belt Valletta, inkluż xiftijiet fi tmiem il-ġimgħa sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
Il-Cleansing Team żdied fin-numru hekk kif diġà kien hemm ħaddiema jwettqu din il-ħidma fil-Belt Valletta. L-investiment f’makkinarju ġdid ser jgħin ukoll biex tiżdied l-effiċjenza f’dik li hi indafa pubblika fil-Belt Kapitali.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo u s-Segretarju Permanenti Anthony Gatt.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Belt Valletta hija mhux biss il-Belt Kapitali ta’ pajjiżna iżda ukoll sit ta’ Patrimonju Dinji fl-intir tiegħu hekk kif rikonoxxut mill-UNESCO. Dr Bonnici qal li l-Gvern fassal pjan ta’ mmaniġġjar għall-Belt Valletta li tqiegħed għall-konsultazzjoni pubblika f’Diċembru li għadda fejn ir-rispons kien pożittiv ħafna. Huwa saħaq li waħda mill-proposti kienet it-twaqqif ta’ kumitat ta’ ħidma li jġib flimkien il-partijiet ewlenin b’rabta mal-Belt Valletta u l-Gvern ħass li jwaqqaf dan il-kumitat għall-aħjar salvagwardja tal-elementi li jagħmlu lill-Belt Valletta patrimonju dinji.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif il-bilanċ irid jirrenja f’dak kollu li nagħmlu. “Fl-aħħar snin, il-Belt Valletta evolviet minn kull aspett tant li llum għandna Belt Kapitali li hija aktar miftuħa għal rikjesti differenti. Dan l-avvanz ġab miegħu sfida u għalhekk irridu naraw li jkollna Belt li tkun iżjed organizzata u li fiha jirrenja l-bilanċ bejn l-attività kummerċjali, turistika u kulturali mal-interess ġenerali tar-residenti u kull min iżurha,” saħaq il-Ministru.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti u ċ-Chairman tal-Kumitat imsemmi, Anthony Gatt stqarr li x-xogħol fi ħdan il-kumitat diġà qabad ritmu tajjeb bl-introduzzjoni ta’ diversi inizjattivi. “Issa li l-kumitat ġie varat uffiċjalment se jitħaffef il-pass sabiex il-Belt kapitali tagħna nagħmluha xempju ta’ kif għandha tkun belt vibranti, ekonomikament attiva imma fl-istess waqt ordnata u nadifa,” tenna s-Sur Gatt.
Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ser jitħabbru iżjed inizjattivi f’dak li għandu x’jaqsam mal-installazzjoni ta’ signage ġdid u iżjed opportunitajiet ambjentali li permezz tagħhom it-toroq pubbliċi tal-Belt Valletta joffru prodott ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għal kull min iżurha.