Dan l-avveniment bl-isem ta’ Capitol Cinema – Vintage Reels, se jkun qed jittella’ fuq żewġt iljieli, dawk tas-26 u tas-27 ta’ Novembru u l-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq [showshappening.com](https://www.showshappening.com/Valletta-Cultural-Agency/Capitol-Cinema?showid=2093d1d5-ea5d-4228-b5ee-8594641f076b&movetotickets=true). Il-postijiet huma limitati ħafna.
Il-lejla tas-26 ta’ Novembru se tkun iddedikata għall-ġeneru komiku fejn se jintwerew il-films The Tramp (1915) ta’ Charles Chaplin u l-film The General (1926) ta’ Buster Keaton. L-isem Charles Chaplin tista’ tgħid li kulħadd jaf bih u bla dubju nassoċċjawh ma’ dak il-karattru bl-isem ta’ The Tramp, bil-mustaċċi u bil-kappell u li joħloq tbissima fuq fomm kulħadd. Avolja Chaplin kien interpreta dan il-karattru f’films preċendenti, il-film The Tramp huwa meqjus bħala l-film li ta bidu lill-karattru li nafu llum.
The General, imbagħad għalkemm huwa kummiedja, huwa ispirat minn dik li hija magħrufa bħala The Great Locomotive Chase, storja vera li ġrat waqt il-Gwerra Ċivili Amerikana.
It-tieni lejl se jkun iddedikat għall-ġeneru tal-horror fejn se jintwerew il-films Dr Jekyll & Mr Hyde (1912) u l-klassiku The Cabinet of Dr Caligari (1920). Il-film Dr Jekyll & Mr Hyde huwa bbażat fuq in-novella bl-istess isem li ħarġet fl-1886 u fuq id-dramm li kien ħareġ fl-1887. Dawk li huma dilettanti tal-films żgur li jafu bil-ħafna spekulazzjonijiet dwar jekk l-attur James Cruze interpretax il-partijiet ta’ Dr Jekyll u Mr. Hyde kollha hu jew jekk kienx hemm biċċiet li ġew interpretati mill-attur Harry Benham.
Il-film The Cabinet of Dr Caligari huwa meqjus bħala x-xogħol kwintessenzjali ta’ ċinema tal-Espressjoniżmu Ġermaniż u jgħid l-istorja tal-ipnotista (Wernes Krauss) li juża sonnambulist (Conrad Veidt) biex iwettaq id-delitti.
Dawk kollha li għandhom għal qalbhom iċ-ċinema m’għandhomx jitilfu din l-opportunità.
Għal aktar informazzjoni żur is-sit [vca.gov.mt](https://www.vca.gov.mt/mt) u l-[paġna ta’ facebook](https://www.facebook.com/vallettaculturalagency) tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.