European Capital of Culture Malta 2031

Sejħa għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-azzjoni tal-Unjoni “Kapitali Ewropea tal-Kultura” għas-sena 2031 f’Malta

Storikament, l-Ewropa kienet hub ta’ żvilupp artistiku ta’ rikkezza eċċezzjonali u diversità kbira fejn il-bliet Ewropej kellhom rwol importanti fil-formazzjoni u fit-tixrid tal-kultura.

L-azzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura hija inizjattiva tal-Unjoni Ewropea ggvernata mid-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE kif emendata mid-Deċiżjoni (UE) 2017/1545 u mid-Deċiżjoni (UE) 2020/2229[1] għat-titli 2020 sal-2033. Għandha l-għan li tenfasizza r-rikkezza u d-diversità kif ukoll aspetti kulturali komuni fl-Ewropa bit-tir li tikkontribwixxi biex tgħaqqad in-nies Ewropej flimkien u ttejjeb il-fehim komuni.

F’dan l-isfond, l-objettivi ġenerali tal-azzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ġew definiti kif ġej:  li tissalvagwardja u tippromwovi d-diversità tal-kulturi fl-Ewropa u li tenfasizza l-karatteristiċi komuni li jikkondividu kif ukoll biex iżżid is-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini li ġejjin minn żona kulturali komuni, min-naħa waħda, u li trawwem il-kontribut tal-kultura lejn l-iżvilupp fit-tul tal-bliet fuq livell ekonomiku, soċjali u urban, f’konformità mal-istrateġiji u l-prijoritajiet rispettivi tagħhom, min-naħa l-oħra.

F’konformità ma’ dawn l-objettivi, l-attivitajiet żviluppati mill-belt li se tiġi nnominata bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura se jkunu mmirati lejn l-arrikkiment tal-firxa, id-diversità u d-dimensjoni Ewropea fi ħdan il-kultura tagħha, inkluż permezz tal-kooperazzjoni transnazzjonali; li jkabbru l-aċċess għal u l-parteċipazzjoni fil-kultura; li jsaħħu l-ħiliet fis-settur kulturali u r-rabtiet ta’ dan tal-aħħar ma’ setturi oħra u li jgħollu l-profil internazzjonali permezz tal-kultura.

F’konformità mal-kalendarju mfassal fl-Anness tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE kif emendata mid-Deċiżjoni (UE) 2017/1545, it-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura għandu jingħata fl-2031 lil belt waħda f’Malta u oħra fi Spanja.

L-għan ta’ din is-sejħa huwa:

  • li tiskatta l-applikazzjonijiet minn bliet f’Malta li jixtiequ jiġu nnominati għat-titlu ta’ “Kapitali Ewropea tal-Kultura” għas-sena 2031 u
  • li twassal għan-nomina ta’ waħda minn dawn il-bliet, li tista tingħata l-premju Melina Mercouri, iffinanzjat mill-programm tal-Unjoni rispettiv li jkun qed jappoġġja l-kultura fiż-żmien tal-għoti tal-premju.

Biex tassisti lill-bliet fil-preparazzjoni tal-offerta tagħhom, din is-sejħa tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-kriterji li se jiġu applikati għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom f’konformità mal-kriterji stipulati fid-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE kif ukoll tagħrif dwar il-proċedura tal-għażla. Fl-Anness 1, il-bliet se jsibu wkoll il-formola ta’ applikazzjoni li jridu jimlew biex jissottomettu applikazzjoni.

L-Awtorità Maniġerjali inkarigata mill-proċedura tal-għażla għat-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2031 f’Malta hija l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Aktar dettalji dwar l-azzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura jistgħu jinstabu fuq il-paġni web li ġejjin:

https://www.vca.gov.mt/

https://ec.europa.eu/culture/policies/culture-cities-and-regions/european-capitals-culture

 

NIŻŻEL ID-DOKUMENT SĦIĦ TAS-SEJĦA: AGĦFAS HAWN

NIŻŻEL IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA: AGĦFAS HAWN