Il-wirja bit-titlu The Journey ser titellà fil-Gran Salon tal-Mużew tal-Arkeoloġija, fi Triq ir-Repubblika il-Belt Valletta, mill-4 ta’ Diċembru 2021 sad-9 ta’ Jannar 2022. Din tinkludi xejn inqas minn 34 pittura fosthom bozzetto u hija bbażata fuq l-esplorazzjoni tal-figura umana.
Imwieled Malta fl-1955, Dalli kien interessat primarjament l-aktar fil-pajsaġġ, still life, u s-sengħa tal-pittura. Fl-1995, beda t-taħriġ formali ma’ Anton Calleja (t.1955-) fejn eżerċita l-aktar l-istudju tal-figura umana. Huwa f’dawn is-snin li Dalli kkonċentra l-prattika tiegħu fuq in-nud. Fis-snin ta’ wara, flimkien ma’ artisti oħra, Dalli pprattika b’mod intens f’sessjonijiet live u pparteċipa f’wirjiet kollettivi f’Malta u barra, fejn esebixxa nudi, pajsaġġi, u pitturi still life.