Il-programm Milied tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta din is-sena qed iqajjem tradizzjonijiet għeżież li intilfu maż-żminijet filwaqt li jxerred messaġġ qawwi ta’ paċi matul l-istaġun tal-festi. Fost it-tradizzjonijiet hemm il-Purċissjoni tal-Bambin, li ser titella’ fit-22 ta’ Diċembru.
Il-purċissjoni tibda fis-6 ta’ filgħaxija mill-Knisja storika tal-Madonna tal-Vitorja, u tipproċedi għall-qalba tal-Belt Valletta. Ir-rotta se tieħu lill- dawk kollha li jkunu qed jattendu minn Triq Żakkarija, Triq ir-Repubblika u Pjazza San Ġwann. Dan il-vjaġġ simboliku se jilħaq il-qofol tiegħu fi Pjazza Tritoni, fejn ser tinħoloq atmosfera maġika u ddaħħal lil kulħadd fl-ispirtu tal-Milied.
Il-purċissjoni ser tkun akkumpanjata mill-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina.
Il-qofol importanti tas-serata se jkun messaġġ imwassal mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fi Pjazza San Ġwann – li jżid tifsira aktar profonda f’dawn il-ġranet tal-Milied.