Sejħa konġunta ta’ Spazju Kreattiv b’kollaborazzjoni mal-Valletta Design Cluster fi ħdan l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta u l-Ministeru għal Għawdex għall-Programm ta’ Residenza għall-Artisti 2024 – 2025
Spazju Kreattiv, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kreattività ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Valletta Design Cluster fi ħdan l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta u l-Ministeru għal Għawdex qed jistiednu artisti u kreattivi bbażati internazzjonalment minn oqsma differenti ta’ arti kontemporanja biex japplikaw għa lprogramm immersiv u bbażat fil-komunità għas-sejħa għar-residenza tal-artisti għall-2024 u l-2025. It-tul ta’ kull residenza jista’ jvarja minn tliet (3) sa erba’ (4) ġimgħat għal proġetti ta’ residenza li jseħħu bejn Jannar 2024 u Lulju 2025.
Dawn ir-residenzi huma bbażati fil-kuntest tal-viżjoni strateġika ta’ Spazju Kreattiv u x-xena kulturali u kreattiva dejjem tikber f’Malta kif ukoll mal-missjoni tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li ssostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-belt kapitali permezz tal-ħolqien ta’ avvenimenti kreattivi żviluppati b’kollaborazzjoni ma’ artisti, kreattivi, komunitajiet u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi oħra u l-viżjoni tal-Ministeru għal Għawdex biex jippromwovi attivitajiet kulturali mmexxija mill-komunità f’Għawdex. Il-programm huwa żviluppat f’konformità mal-mandat ta’ Spazju Kreattiv bħala ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kreattività ta’ Malta li jkun katalist tal-espressjoni kontemporanja, mal-legat ta’ Valletta 2018 – Il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura u mal-istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti 2025.
F’qafas bħal dan, il-programm ta’ residenza tagħna għandu l-għan li jarrikixxi id-diversità kulturali fiix-xena kreattiva nazzjonali billi jinkoraġġixxi laqgħat u skambji bejn artisti internazzjonali u Maltin, il-kollaboraturi kreattivi u l-komunitajiet lokali, kif ukoll l-ambjenti fiżiċi u virtwali. Il-qafas tar-residenza se jipprovdi l-ħin għar-riċerka u l-iżvilupp tal-proġett, kif ukoll opportunitajiet biex jimpenjaw ruħhom mal-komunitajiet fil-preżentazzjoni tax-xogħol.
Dawk interessati jistgħu japplikaw għal kwalunkwe waħda mill-fergħat tal-Programm ta’ Residenza tal-Artisti li ġejjin:
- Residenza tal-Artisti fil-Belt Valletta b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta
Tul tar-Residenza: 3-4 ġimgħat
Post ta’ Residenza: Valletta Design Cluster, Malta
Numru ta’ Residenzi: 2 (massimu)
Spazju Kreattiv, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, qed ifittex proposti għal residenzi fil-Valletta Design Cluster fi spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva li jinsab fil-bini rinnovat tal-Biċċerija l-Antika fil-Belt Valletta. Ir-residenzi huma mmirati prinċipalment iżda mhux esklussivament lejn artisti u kreattivi mill-pajjiżi tan-Nofsinhar Globali, EwroMed u MENA. Se tingħata preferenza lill-applikazzjonijiet li jittrattaw l-innovazzjoni fl-arti kreattiva d-diversità kulturali u l-inklużjoni, u laqgħat u skambji internazzjonali. L-applikanti magħżula se jkunu mistennija jippreżentaw mill-inqas avveniment/attività waħda relatata mat-tema tar-residenza fil-Valletta Design Cluster.
Dawn ir-residenzi se jfittxu li jipprovdu opportunitajiet lill-artisti fir-residenza biex jikkollaboraw ma’ komunitajiet lokali speċifiċi fil-Belt Valletta li għandhom interess kondiviż fi tradizzjonijiet li ilhom jeżistu, xejriet soċjali u prattiċi kreattivi kontemporanji. L-artisti u l-kreattivi se jkollhom l-opportunità li jużaw il-faċilitajiet tal-Valletta Design Cluster, inkluż tagħmir fil-Makerspace tiegħu, faċilitajiet ta’ co-working, kmamar tal-laqgħat/workshops, u spazju tal-ikel, kif ukoll jimpenjaw ruħhom mal-komunità li ġejjin minn varjetà wiesgħa ta’ dixxiplini kreattivi. Il-Valletta Design Cluster jospita wkoll bitħa pubblika u ġnien fuq il-bejt. Se jkollhom ukoll il-possibbiltà li jimpenjaw ruħhom mal-programmi ta’ Spazju Kreattiv u jutilizzaw il-postijiet u r-riżorsi disponibbli ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta.
Kull residenza tista’ takkomoda sa żewġ (2) artisti/prattikanti kollaboraturi, ċċentrata madwar proġett/tema ewlenija identifikata b’mod ċar. Fil-każ ta’ 2 individwi li ġejjin mill-istess organizzazzjoni/kollettiv, ir-rwoli rispettivi fi ħdan il-proġett propost jeħtieġ li jiġu ċċarati fl-istadju tal-applikazzjoni u jeħtieġ li tiġi pprovduta ġustifikazzjoni li turi kif it-tema identifikata se tiġi indirizzata f’perspettiva multidixxiplinarja.
- Residenza tal-Artisti f’Għawdex f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex
Tul tar-Residenza: 3-4 ġimgħat
Post tar-Residenza: Għawdex
Numru ta’ Residenzi: 2
Dawk il-proġetti ta’ residenza li jsiru f’Għawdex, għandhom jiġu żviluppati fi ħdan komunità mill-qrib, u huma maħsuba biex jimmassimizzaw l-immersjoni kulturali fil-gżira u l-komunitajiet tagħha. Proġetti magħżula għandhom iqisu t-tradizzjonijiet u l-fora soċjali tal-gżira, u fil-proċess jesploraw opportunitajiet għal skoperti kulturali u kreattivi.
Kull residenza tista’ takkomoda sa żewġ (2) artisti / prattikanti kollaboraturi, iċċentrati madwar proġett / tema ewlenija identifikata b’mod ċar. F’każijiet fejn il-proposta tinkludi aktar minn artist / prattikant wieħed, jeħtieġ li tiġi pprovduta ġustifikazzjoni li turi kif it-tema identifikata se tkun indirizzata b’mod multidixxiplinarju multi-perspettiva.
- Residenza tal-Artisti f’reġjuni oħra Maltin
Tul tar-Residenza: 3 – 4 ġimgħat
Post ta’ Residenza: F’wieħed mir-reġjuni l-oħra ta’ Malta, minbarra Għawdex u l-Belt Valletta u l-viċinanzi tagħha (jekk jogħġbok irreferi għall-mappa hawn taħt għal referenza)
Numru ta’ Residenzi: 2
Dawk il-proġetti ta’ residenza mmirati lejn wieħed mir-reġjuni l-oħra ta’ Malta, kif muri fil-mappa ta’ hawn taħt, għandhom jiġu żviluppati fil-komunitajiet lokali taż-żona. Din il-linja tar-residenza hija mmirata b’mod partikolari biex tinvolvi direttament lill-komunitajiet lokali fi proġetti kreattivi permezz tal-użu ta’ metodi tal-arti komunitarji, inklużi iżda mhux limitati għal attivitajiet soċjalment impenjati, attivisti, performattivi u ta’ sengħa. L-applikanti magħżula għandhom iqisu kif xieraq l-elementi soċjo-politiċi tar-reġjuni, u jfittxu li jimplimentaw soluzzjonijiet fl-involviment tal-komunitajiet lokali fi prattiċi artistiċi.
Kull residenza tista’ takkomoda sa żewġ (2) artisti/prattikanti kollaboraturi, iċċentrati madwar proġett/tema ċentrali identifikata b’mod ċar. F’każijiet fejn il-proposta tinkludi aktar minn artist/prattikant wieħed, jeħtieġ li tiġi pprovduta ġustifikazzjoni li turi kif it-tema identifikata se tiġi indirizzata b’mod multidixxiplinarju multi-perspettiva.
Dokument li juri mappa tar-Reġjuni ta’ Malta
Prijoritajiet tal-Programm ta’ Residenza tal-Artisti
L-applikazzjonijiet se jiġu kkunsidrati b’rabta mal-viżjoni strateġika ġenerali ta’ Spazju Kreattiv fejn hija iċċentrata fuq l-Eċċellenza Artistika, il-Ħidma fil-Komunità u l-Internazzjonalizzazzjoni kif ukoll l-missjoni tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (fil-każ tal-fergħa tar-residenza fil-Belt Valletta) li ssostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-belt kapitali permezz tal-ħolqien ta’ avvenimenti kreattivi żviluppati b’kollaborazzjoni ma’ artisti, komunitajiet u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi oħra. Tingħata prijorità lil dawk l-applikanti li jfittxu li:
i) jikkollaboraw b’mod dirett u attiv mal-komunitajiet u l-kulturi lokali;
ii) lesti li jinteraġixxu / jagħmlu netwerk produttiv ma’ kreattivi u / jew organizzazzjonijiet Maltin;
iii) jaħdmu f’kuntest li jirrelataw direttament mal-programm/i tal-imsieħba organizzaturi;
iv) jippreżentaw forom kreattivi li bħalissa qed jitfaċċaw jew mhumiex rappreżentati biżżejjed f’Malta u Għawdex.
L-applikazzjonijiet se jiġu evalwati skont diversi kriterji, bħall-eċċellenza artistika, il-portafoll kreattiv, u r-rilevanza tal-proġett għall-kuntesti soċjo-politiċi attwali; innovazzjoni kreattiva, ħidma fost l-komunità u involviment tal-udjenza, b’attenzjoni speċjali fuq udjenzi mhux daqstant rappreżentati, u l-involviment tal-kreattivi lokali; internazzjonalizzazzjoni u kollaborazzjoni mal-kontropartijiet internazzjonali; u ċarezza ġenerali dwar il-proposta (bħal iżda mhux limitat għal; miri tal-proġett, temi, pjan ta’ azzjoni, każ għal appoġġ, tqassim tal-baġit, u mezzi ta’ finanzjament).
Kundizzjonijiet
Spazju Kreattiv, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Ministeru għal Għawdex ser jipprovdi lil dawk magħżula:
- Akkomodazzjoni (il-post għar-residenza f’Għawdex jiġi ddeterminat fi stadju aktar tard);
- Trasferimenti mill-ajruport;
- Sussistenza ta’ kuljum;
- Allowance għall-proġett;
- Assistenza professjonali fil-koordinazzjoni u l-iżvilupp tal-inizjattiva;
- Promozzjoni tal-proġett ta’ residenza fuq pjattaformi onlajn.
L-ispejjeż tat-titjira lejn Malta u lura huma responsabbiltà tal-applikanti magħżula u għandhom jiġu bbukjati wara konsultazzjoni ma’ Spazju Kreattiv.
Kull ħaġa mhux imsemmija hawn fuq se jkollha tkun koperta mill-artisti magħżula.
Dati Importanti
Is-sejħa tiftaħ: l-Erbgħa 5 ta’ April, 2023
Is-sejħa tagħlaq: l-Erbgħa 10 ta’ Mejju, 2023
Deċiżjonijiet ikkomunikati sal-Erbgħa 21 ta’ Ġunju, 2023
Iktar informazzjoni:
Spazju Kreattiv:
https://kreattivita.org/about/
Qafas tal-Programm ta’ Residenza tal-Artisti ta’ Spazju Kreattiv u residenzi tal-passat:
https://kreattivita.org/artists-residency-2021-22-mt/
Valletta Design Cluster:
https://www.vca.gov.mt/en/valletta-design-cluster
Il-Kunsill Malti għall-Arti:
https://www.artscouncilmalta.org/
Direttorat tal-Wirt Kulturali t’Għawdex:
https://mgoz.gov.mt/en/Pages/Cultural-Heritage-Directorate.aspx
Strateġiji Kulturali Reġjonali 2022-2027: