L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Opera in the Capital tieħu xejra differenti hekk kif is-sopran Nadia Vella tingħaqad mat-tenur Maltin Cliff Zammit Stevens u Alan Sciberras. Il-kunċert popolari jerġa’ lura fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta fit-30 ta’ Awwissu fid-9pm, u jwiegħed lejla sajfija mill-isbaħ ta’ siltiet operistiċi u oħrajn aktar leġġeri, li jiċċelebraw l-elementi maestużi tal-vuċi umana – l-attrazzjoni ewlenija ta’ din is-serata.
Biljetti għal dan l-avveniment tant maħbub, li issa jinsab fir-raba’ edizzjoni tiegħu, huma disponibbli fuq Showshappening.
It-trio, akkumpanjat mill-Malta Philharmonic Orchestra taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Maestro Michael Laus, se jinterpreta siltiet operistiċi ta’ fama dinjija u siltiet minn musicals popolari. Fost is-siltiet magħżula hemm l-arja mimlija emozzjoni La fleur que tu m’avais jetée mill-opra Carmen ta’ Bizet u È la solita storia del pastore minn L’Arlesiana ta’ Cilea li jikkuntrastaw bil-kbir mad-drammatiċità ta’ Donna non vidi mai minn Manon Lescaut ta’ Puccini.
Is-serata se tinkludi wkoll melodiji sublimi bħal La vie en rose ta’ Louiguy, Lippen Schweigen minn The Merry Widow ta’ Lehár, Je veux vivre minn Roméo et Juliette ta’ Gounod, u All I Ask of You minn The Phantom of the Opera ta’ Lloyd Webber, li jiżguraw programm spettakolari u repertorju divers li jkopri t-tradizzjoni klassika kif ukoll dik aktar leġġera.
Il-kanzunetti maħbuba Maltin Xemx u Fil-Qrib ta’ Zammit Stevens, b’lirika miktuba mill-qalb u l-melodiji evokattivi tagħhom sejrin ukol jikkontribwixxu biex jerġgħu jagħmlu Opera in the Capital esperjenza li ma tintesa qatt kemm għall-artisti kif ukoll għall-udjenza.
Ingħaqad magħna għal dan l-avveniment indimentikabbli!