Dan il-kapolavur korali se jitwettaq taħt id-direzzjoni tas-Surmast Lawrence Renes bis-sehem tal-Malta Philharmonic Orchestra u l-kor tal-Accademia Nazionale di St Cecilia, waħda mill-eqdem istituzzjonijiet mużikali fid-dinja.
Numru ta’ solisti internazzjonali, inklużi is-sopran Hanna Husáhr, il-mezzo sopran Rihab Chaieb, it-tenur Toby Spence u l-baxx Karl Magnus Fredriksson, se jipparteċipaw f’din il-produzzjoni unika li se ssir taħt id-direzzjoni mużikali tas-surmast Malti-Olandiż Lawrence Renes fil-Bażilika ta’ San Duminku, il-Belt Valletta fit-8:00pm.
Mozart ikkompona parti mir-Requiem fi Vjenna lejn l-aħħar tal-1791, iżda dan ix-xogħol ma tlestiex qabel mewtu fil-5 ta’ Diċembru tal-istess sena. Verżjoni kompluta tar-Requiem, datata għall-1792 ingħatat minn Franz Xaver Süssmayr lill-Konti Franz von Walsegg, li kkummissjona l-biċċa biex jitfakkar l-anniversarju tal-mewt ta’ martu fl-14 ta’ Frar. Il-“Masonic Funeral Music” ta’ Mozart inkitbet fl-1785. Dan ix-xogħol qasir, iżda li jmiss is-sentimenti ta’ dak li jkun b’mod estrem, huwa meqjus bħala wieħed mill-kapulavuri assoluti ta’ Mozart. Madankollu dan ix-xogħol rari jittella’. Dan minħabba l-uniċità tal-orkestrazzjoni oriġinali tiegħu.
Biljetti minn [showshappening.com](https://www.showshappening.com/Valletta-Cultural-Agency/mozarts-requiem)
Dan il-proġett għandu l-appoġġ tal- Air Malta, l’Istituto Culturale Italiano u l-Gomerino Hotel, Valletta.