Il-kantant magħruf Klinsmann ser ikun qed jagħti prestazzjoni flimkien mal-grupp mużikali tiegħu bħala ġparti mill-programm tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Christmas in the City.
Klinsmann huwa mużiċist, kantant u kittieb tal-mużika Malti. Hu beda l-karriera mużikali tiegħu fl-2000 fl-età ta’ 10 snin. Klinsmann huwa l-aktar magħruf għall-fatt li kien ipparteċipa fil-Eurovision Song Contest fl-2007 u rnexxielu jiġi fit-tielet post bil-kanzunetta “She Gives Me Wings”. Bejn l-2016 u l-2017 Klinsmann reġa’ pparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta “Laserlight”.
Fl-2014 hu fforma l-Band ta’ Rock Alternattiv bl-isem ta’ “Planet Seed” u beda jikteb il-kreazzjonijiet mużikali tiegħu għall-banda. Bejn l-2014 u l-2015, Planet Seed ħarġet żewġ kanzunetti bl-isem ta’ “Want you To Know” u “Who We Are”. Aktar tard Klinsmann kiteb diska oħra għall-Band bl-isem ta’ “Follow Me”. Il-Band irnexxielha tkun mal-ewwel 10 f’Malta għal 4 ġimgħat u dan kien il-bidu għall-ewwel Tour ta’ Planet Seed. Hi għamlet prestazzjonijiet live f’Malta, fil-Polonja, fil-Ġermanja, fl-Ingliterra u fl-Italja għal udjenzi li jvarjaw minn 5,000 għal 15,000 persuna.
Dan l-avveniment huwa parti mill-Programm Milied fil-Belt tal-Aġenzija Kultuarli għall-Belt Valletta, li ser iseħħ bejn it-22 ta’ Novembru u l-24 ta’ Diċembru fil-pjazez prinċipali, postijiet strateġiċi u t-toroq pittoreski tal-Belt Valletta. Id-dwal tal-Milied u d-dekorazzjonijiet jistgħu jitgawdew sal-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.
Żur [il-paġna ta’ Facebook](https://www.facebook.com/vallettaculturalagency) tal-Aġenzija għall-aktar dettalji.