Wara d-debutt b’suċċess fi STRADA STRETTA is-sena li għaddiet, HOSKUBAN jirritorna għal spettaklu ieħor b’taħlita varjta ta’ ritmi Afro-Kubani, mambo, salsa u Jazz. Wara l-wirja tas-sena l-oħra kien evidenti li l-ispettaklu HOSKUBAN kien jeħtieġ spazju akbar u għal dan il-għan din il-prestazzjoni ser titella fil-miftuħ, fl-aktar parti wiesgħa ta’ Strada Stretta, bejn Triq San Ġwann u Triq Melita (quddiem Vincenti Buildings). Kif indikat fit-titlu, IMNARJA KUBANA se jitella’ is-Sibt 29 ta’ Ġunju, fit-8:30pm.
Il-membri ta’ HosKuban huma kollha mużiċisti tal-Jazz b’esperjenza liema bħalha u b’tendenza għall-‘Ħoss kuban’ (it-traduzzjoni modifikata bil-Malti ssir HosKuban). Dawn jinkludu lil Adrian Galea Lucas fuq il-Congas u l-perkussjoni li se jkun qed imexxi l-band, Adrian ‘Ir-Russu’ Brincat fuq it-trumbetta, Warren Galea fuq il-kitarri, Emanuel Pulis fuq it-tnabar, Vinny Vella fuq il-pjanu, Walter Vella fuq is-sassofonu u flawt, Anthony ‘Il-Fesu’ Saliba fuq il-bass u Joseph Camilleri Jnr. ‘Il-Bibi’ fuq il-perkussjoni. In-‘novità’ li se tidher fl-ispettaklu ta’ din is-sena hija l-inklużjoni tal-vokalista b’talent partikolari Mariele Zammit, li se tkun qed tipprovdi dimensjoni vokali lil uħud mill-melodiji l-aktar magħrufa.
Dawk li jattendu l-avveniment se r jisimgħu sett list sħiħ mimli bl-aqwa mużika Kubana/Jazz, fosthom siltiet bħal Manteca (Dizzy Gillespie & Chano Pozo Gonzalez), Mambo Inn (Mario Bauza’, Grace Sampson, Bobby Woodlen), Caravan (Juan Tizol & Duke Ellington), kif ukoll Mambo Influenciado ta’ Chucho Valdez, Oye Como Va ta’ Santana u Watermelon Man ta’ Herbie Hancock fost ħafna oħrajn. M’hemmx għalfejn ngħidu, li wieħed jiġi b’żarbun komdu għaż-żfin.
Id-dħul għall-ispettaklu HosKuban IMNARJA KUBANA huwa bla ħlas.
Dan l-avveniment huwa inizjattiva fi ħdan il-programm STRADA STRETTA tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.