L-edizzjoni ta’ Marzu tas-serje FiftySix Design Talks tiġbor flimkien is-sbuħija tal-metall mad-disinji tal-mużajk u t-tessuti, ippreżentata minn żewġ disinjaturi tal-għamara magħrufa: Christian Bezzina ta’ Medina Steels u Dania Douaidari ta’ Dania D. Designs.
Christian Bezzina, il-moħħ wara Medina Steels, jittrasforma l-metall f’għamara li tvarja minn imwejjed eleganti għal mirja kkomplikati u ornamenti dekorattivi.
Dania Douaidari, il-forza kreattiva wara Dania D. Designs, teħodna fi vjaġġ lejn Damasku. Hi tfassal għamara li tirrakkonta l-wirt kulturali Sirjan u s-seħer Mediterranju li tħallat l-antik mal-ġdid, billi tuża materjali bħall-injam, ram, sufra, u l-arti tradizzjonali tal-mużajk.
Il-postijiet huma limitati… irreġistra llum!
Ingħaqad magħna fil-qalba tad-disinn kontemporanju għal Fifty Six Design Talks, serje ta’ taħditiet ta’ kull xahar imtellgħajn minn The Golden Glitch u l-Valletta Design Cluster. Is-serje Fifty Six Design Talks tiġbor flimkien disinjaturi, dawk li jagħmlu xogħol bl-idejn, artisti u innovaturi biex jesploraw u jiddiskutu prattiki tad-disinn kontemporanju.
Kull avveniment fih żewġ preżentazzjonijiet dinamiċi ta’ 14-il minuta u sessjonijiet ta’ mistoqsijiet u risposti, li jipprovdu ħarsa konċiża ta’ 56 minuta lejn prattiki tad-disinn avvanzati. Mid-disinn tal-ħoss sal-moda, mid-disinn tal-logħob għat-teknoloġiji mill-aktar avvanzati, fost ħafna aktar, dawn is-sessjonijiet iqanqlu diskussjonijiet vibranti u opportunitajiet ta’ networking.