The Strada Stretta Concept, li jopera taħt l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, se jkun qed itella’ avveniment permezz ta’ live streaming għall-ewwel darba fl-24 ta’ Novembru 2020 fit-8pm, direttament minn The Splendid fi Strada Stretta fil-Belt Valletta. L-avveniment se jixxandar live fuq il-paġna ta’ Facebook The Strada Stretta Concept.
Il-produzzjoni ta’ Fidelio ta’ The Strada Stretta Concept se tippreżenta lit-telespettaturi b’xejra kontemporanja ta’ din l-opra klassika filwaqt li tibqa’ tirrispetta x-xogħol oriġinali ta’ Beethoven. Fidelio hija opra ta’ salvataġġ, li ttellgħet għall-ewwel darba fl-1805. Titratta l-isforzi u d-diffikultajiet ta’ mara, Leonore, biex issalva lill-maħbub tagħha, Florestan. Florestan ilu nieqes għal sentejn u Leonore hija lesta li tagħmel minn kollox biex issibu, inkluż li toħloq identità maskili separata msejħa Fidelio. Permezz tal-persuna tagħha bħala Fidelio, hija tikseb impjieg f’ħabs fejn temmen li r-raġel li tħobb qed jinżamm bħala priġunier politiku.
Il-verżjoni ta’ Fidelio ta’ The Strada Stretta Concept hija l-idea tad-direttur artistiku, Giuseppe Schembri Bonaci. Il-kompożitur Karl Fiorini adatta l-mużika oriġinali ta’ Beethoven għal din ir-rappreżentazzjoni tal-opra. Il-produzzjoni tinvolvi kast u sett ta’ mużiċisti mimlija talent. Is-sopran ewlieni se tkun Clare Ghigo u t-tenur ewlieni se jkun Charles Vincenti. Fost membri oħra tal-kast insibu lil Dorothy Baldacchino, Louis Andrew Cassar, u Ken Scicluna. Il-mużiċisti se jkunu mmexxija mill-kompożitur u pjanista Tom Armitage u se jinkludu lil Joe Camilleri, Kamila Bydlowska u Oliver Degabriele.
The Strada Stretta Concept jgħaqqad id-dinja tal-arti ma’ dik tal-kultura popolari. Dan l-approċċ huwa mistenni f’din il-produzzjoni ta’ Fidelio, li waqt li se tibqa’ tirrispetta lil Beethoven, se toffri wkoll il-bixra Brechtjana li wieħed jista’ jistenna mill-avvenimenti ta’ The Strada Stretta Concept.
Biex issir taf aktar dwar Fidelio u żżomm ruħek aġġornat, segwi il-Paġna ta’ Facebook page . The Strada Stretta Concept kif ukoll il-Paġna ta’Facebook tal-Valletta Cultural Agency.